Internazzjonali

Il-kriżi dwar l-eks-spjun Russu: Boris Johnson jattakka lil Putin

Is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson, qal li hemm ‘probabbiltà kbira’ li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, ħareġ direttiva biex eks-spjun Russu u bintu, li huma residenti fir-Renju Unit, jispiċċaw mira ta’ attakk bil-kimika ( nerve gas).

Dan meta rrankat it-tensjoni bejn Moska u r-Renju Unit, b’talaħħar  ikompli jakkuża lir-Russja bħala ‘l-awtur’ tal-attakk  tal-4 ta’ Marzu fuq Sergei Skripal, u bintu Yulia,  fil-belt ta’ Salisbury.

Issa Johnson qal li ‘it-tilwima tal-Britanniċi hi mal-Kremlin ta’ Putin’, meta r-Russja qed tiċħad għal sehem fl-ivvelenar tal-eks-spjun u bintu, li t-tnejn jinsabu l-isptar, f’kundizzjoni kritika. Kelliema għal Moska, intant, qalu li l-akkużi kontra Putin huma ‘xokkanti’ waqt li ‘mhumiex se jintesew’.

Dan meta Johnson tenna li ‘it-tmexxija tar-Renju Unit qed temmen dejjem aktar fil-possibbiltà li Putin iddeċieda dwar l-azzjoni biex jintuża n-nerve gas fit-toroq tar-Renju Unit, pajjiż tal-Ewropa, għall-ewwel darba mit-Tieni Gwerra ‘il hawn’.

Sadanittant, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal li r-Russja kkalkulat ħazin ‘is-sens tal-għaqda u determinazzjoni’ li jeżisti fost l-Istati tal-Alleanza tal-Punent.

Aktar qabel,  il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, indika li r-Russja qed tħejji biex tkeċċi numru ta’ diplomati Britanniċi minn artha. Il-pass għandu jsir bi tpattija għar-Renju Unit wara li l-Gvern tal-Prim Ministru Theresa May iddeċieda biex ikeċċi 23 membru tal-istaff mill-Ambaxxata Russa f’Londra.

L-intenzjoni ħarġet ċar minn kumment ta’ Lavrov waqt li l-ġurnalisti kienu qed jistaqsuh jekk Moska għandhiex tirritalja ‘bl-istess mod’ għat-tkeċċijiet tar-Russi mir-Renju Unit b’konsegwenza mal-attakk f’Salisbury. F’dan il-każ il-Ministru Russu wieġeb li ‘dażgur (li wieħed irid jistenna ritaljazzjoni)’ mingħajr ma provda dettalji.

 

Dan filwaqt li r-Renju Unit kompla jinsisti li n-nerve agent li ntuża ‘għall-attakk’ kien ta’ tip prodott għall-ewwel darba fl-eks Unjoni Sovjetika.