Internazzjonali

Isostni li m’hemmx post għall-Iżlam fil-Ġermanja

Horst Seehofer

Il-Ministru tal-Intern ġdid tal-Ġermanja, Horst Seehofer, qal li l-Iżlam ma jippartnenix għal pajjiżu, waqt intervista li kienet ippubblikata l-Ġimgħa. Il-kumment ta’ Seehofer, intant, jista’,’il quddiem, iqajjem it-tensjoni bejnu u l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, li dejjem enfasizzat il-ħtieġa li pajjiżha ‘jintegra lill-Musulmani fi ħdanha’.
Horst Seehofer anki fassal numru ta’ policies dwar l-immigrazzjoni meta l-koalizzjoni ġdida ta’ Berlin qed tħejji għall-isfida tal-Partit ‘Alternattiva għall-Ġermanja’, magħmul mill-estremisti tal-lemin u li għamlu passi kbar ‘il quddiem mil-lat politiku. Fil-fatt, l-‘Alternattiva’ illum għandha rappreżentanza fil-Parlament Ġermaniż wara li rnexxielha taqta’ figura tajba fl-aħħar elezzjonijiet nazzjonali.
Intant, Seehofer insista li ‘l-Iżlam u l-Ġermanja iridu jitqiesu bħala elementi separati’ waqt intervista lill-gazzetta Bild. Dan il-kliem, sadanittant, jikkontradixxi lill-eks President tal-Ġermanja Christian Wulff li, fl-2010, kien xpruna dibattitu dwar l-immigrazzjoni bil-kumment li ‘l-Iżlam kien parti minn pajjiżu’.
Seehofer, membru tal-Partit CSU ( alleat tal-Partit CDU ta’ Merkel) qal li għandu jimplimenta pjan għal deportazzjonijiet aktar mgħaġġlin. Dan meta beħsiebu jikkonfronta ‘aħjar’ ir-raġunijiet għalfejn in-nies qed jaħarbu minn pajjiżhom u meta jrid jikklassifika aktar pajjizi minfejn joriġinaw l-immigranti bħala ‘neqsin minn periklu’ . Il-klassifikazzjoni għandha tagħmilha aktar faċli biex il-Ġermanja, ‘il quddiem, tiddeporta immigranti li ma jikkwalifikawx għall-kenn politiku.