Bejn illum u nhar il-Ħadd jitkompla l-Kampjonat BOV Premier u wieħed jistenna li bħal ma seħħ ġimgħa ilu, fil-quċċata jibqa’ kollox l-istess.
Dan għaliex kemm il-liders Balzan kif ukoll l-eqreb rivali tagħhom Valletta mhux suppost ifallu milli jieħdu tliet punti hekk kif dawn se jilagħbu kontra Mosta u S.Andrew’s rispettivament.
Il-ġimgħa li għaddiet kienet waħda kruċjali fit-tellieqa tar-rebħ tal-kampjonat għax Balzan kellhom ostaklu ferm diffiċli, dak ta’ Birkirkara imma dawn rebħu 3-1 biex għamlu pass importanti lejn ir-rebħ tal-ewwel titlu fl-istorja.
Fl-istess waqt qatgħu kompletament lil Birkirkara mit-taqtiegħa għar-rebħ tal-kampjonat. Ovvjament fadal erba’ logħbiet li kull waħda fiha l-istorja tagħha.
Valletta, li kienu qed jittamaw f’pass falz ta’ Balzan rebħu 2-1 kontra Hibs li kienu qed jilagħbu l-ewwel logħba tagħhom taħt tmexxija ta’ kowċ ġdid wara li nfirdu minn ma’ Mark Miller.
Fil-logħba bejn Balzan u Birkirkara, Balzan kienu l-aħjar fejn ħolqu diversi ċansijiet ta’ skor bin-nofs tagħhom ikun dominanti u jipprevali fuq dak tal-Istripes.
Dawn tal-aħħar qamu xi ftit fil-bidu tat-tieni taqsima imma kien tard wisq bl-avversarji Balzan joqtlu l-logħba bit-tielet gowl. B’hekk waslet telfa għal Birkirkara wara disa’ rebħiet u draw filwaqt li għal Balzan tkompli s-serje pożittiva fejn issa ilhom 20 logħba bla telfa.
Valletta għamlu d-dmir tagħhom u rebħu kontra Hibs biex baqgħu jsegwi lil Balzan.
L-iskor ta’ 2-1 mhux indikattiv ta’ dak li seħħ peress li l-Beltin iddominaw fejn setgħu rebħu bi skor ferm akbar. Iżda minkejja li kienu l-aħjar u ħolqu diversi ċansijiet lejn l-aħħar mumenti għal ftit ma’ tilfux kollox hekk kif Hibernians laqtu l-lasta.
Għada Balzan u Valletta jkunu mpenjati fl-istess grawnd, dak ta’ Ta’ Qali. Balzan se jilagħbu kontra tim li fl-aħħar żewġ ħarġiet tiegħu sofra 10 gowls.
Ġimgħa ilu Mosta tilfu 5-3 kontra Gżira u din kienet il-ħames logħba mingħajr rebħa bid-difiża tagħhom turi ċertu problemi fejn statistikament huma għandhom it-tielet l-agħar difiża fil-kampjonat.
Fil-fatt wara biss ħdax il-minuta huma diġa kienu żewġ gowls minn taħt.
L-avverasrji li jmiss ta’ Valletta, St. Andrews se jkunu ġejjin minn telfa minima ta’ 1-0 kontra Sliema.
Kellu jkun gowl uniku skurjat kwarta minn tmiem il-partita li ta rebħa lil Sliema. Riżultat li kien daqqa ta’ ħarta għas-Saints li kienu qed jaspiraw li jieħdu xi ħaġa minn din il-logħba hekk kif huma jinsabu ffaċċjati minn problemi kbar tar-relegazzjoni.
B’din ir-rebħa l-Wanderers issa laħqu lil Hibernians fuq 36 punt. Wieħed irid jgħid li St. Andrew’s kien ħaqqhom xi ħaġa aktar minn din il-logħba fejn Sliema skurjaw fil-mument li kienu s-Saints li bdew jiddominaw.
Dawn tal-aħħar kellhom il-mumenti tagħhom ukoll fejn anki laqtu l-lasta iżda donna li ma’ kinitx il-ġurnata tagħhom.
Illejla Birkirkara jilagħbu kontra Tarxien fl-uniku konfront fis-Centenary Stadium.
Fuq il-karta B’Kara għandhom jirritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra Balzan.
Huma se jkunu qed jilagħbu kontra tim li se jkun ġej minn rebħa faċli fuq it-tim tal-qiegħ Lija Athletic.
Il-Ħadd ikunu fl-azzjoni ċ-champions Hibs li jilagħbu kontra Lija u fuq il-karta mistenni li l-kowċ temporanju Mario Muscat jikseb l-ewwel rebħa mall-Pawlisti.
Il-Ħadd ukoll jilagħbu Gżira kontra Senglea. Għal Gżira se jkun strumentali r-ritorn fit-tim tal-attakkant Samb li ġimgħa ilu kien sospiż.
Il-Programm
Illum
Centenary Stadium
7.00pm Tarxien R v Birkirkara
Għada
Stadium Nazzjonali
2.00pm Balzan v Mosta
4.00pm St. Andrew’s v Valletta
Hibs Stadium
2.00pm Floriana v Naxxar L.
4.00pm Ħamrun S v Sliema W.
Il-Ħadd
Stadium Nazzjonali
2.00pm Gżira Utd v Senglea A.
4.00pm Hibernians v Lija A.