Lokali Qorti

L-Imħallef Mizzi għandu jirrekuża ruħu minħabba l-interessi finanzjarji ta’ martu

L-appell dwar il-Panama Papers qed jinstema' mill-Imħallef Antonio Mizzi, li jiġi r-raġel tal-Ewroparlamentari Marlene Mizzi

Quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil stqarr li l-Imħallef Antonio Mizzi li qed jisma’ l-każ dwar il-Panama Papers, jista’ jkollu xi forma ta’ interess finanzjarju u għalhekk għandu jirrekuża ruħu.

Simon Busuttil tenna li l-fatt li l-Imħallef Antonio Mizzi hu r-raġel tal-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi, din biss għandha tkun bażi biżejjed li hemm diffikulta’ biex l-Imħallef ikun jista’ jiddeċiedi dwar il-każ. Anke kieku stess martu ma titkellimx dwar il-każ li qiegħed fil-Qorti, il-fatt li huma miżżewġin tagħmilha diffiċli biżejjed.

Fil-kawża Kostituzzjonali li qed tinstema’ mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon, id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li dan l-interess finanzjarju jista’ jkun minħabba l-fatt li l-onorarja ta’ Marlene Mizzi mhux waħda insinjifikanti, iżda li tista’ tilħaq il-€100,000 fis-sena, u l-fatt li fiż-żwieġ tagħhom hemm komunita’ tal-assi jfisser li d-dħul u l-assi tagħhom jingħaqdu bejniethom fiż-żwieġ.

L-Ewroparlamentari Marlene Mizzi

Din il-kawża Kostituzzjonali quddiem l-Imħallef Joseph Zammit McKeon infetħet wara li f’Ottubru tas-sena li għaddiet, l-Imħallef Antonio Mizzi rrifjuta li jirrekuża ruħu mill-każ dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.

Filfatt f’Lulju tal-2017, id-deputat Simon Busuttil kien ippreżenta rikors il-Qorti quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia fejn talab għall-inkjesta dwar l-iskandlu tal-Panama Papers, u investigazzjoni dwar uħud mill-għola uffiċjali tal-pajjiż li huma involuti f’dan il-leak ta’ dokumenti. L-inkjesta ddur mal-iskandlu marbut mal-kumpaniji sigrieti fil-Panama, u biex jiġi stabbilit hemmx ksur ta’ liġijiet marbuta mal-ħasil ta’ flus. F’din l-inkjesta, il-Maġistrat Ian Farrugia kien sab li hemm biżejjed provi biex issir inkjesta maġisterjali. Iżda dwar din id-deċiżjoni, is-seba’ persuni msemmija fir-rikors imressaq appellaw, dawn huma l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu f’Kastilja Keith Schembri, il-Ministru Konrad Mizzi, l-awdituri ta’ Nexia BT Brian Tonna u Karl Cini, il-konsulent tal-Awtorita’ Maltija u eks Direttur ta’ Allied Newspapers Adrian Hillman, u l-General Manager ta’ Kasco Ltd Malcolm Scerri.

Dan l-appell issa qed jinstema’ mill-istess Imħallef Antonio Mizzi, li jiġi r-raġel tal-Ewroparlamentari Marlene Mizzi. Kien għalhekk illi d-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil fil-Qorti tenna li Marlene Mizzi tkellmet kemm-il darba dwar l-iskandlu tal-Panama Papers kemm fil-Parlament Ewropew, fuq Facebook, filwaqt li f’numru ta’ drabi oħra insultat lilu personali – għalhekk hemm rabta personali.

Madanakollu, id-deputat Simon Busuttil stqarr li m’għandu l-ebda dubju dwar l-integrita’ tal-Imħallef Antonio Mizzi. Żied li din ma tkunx l-ewwel darba li Imħallef jew Maġistat jirrekuża ruħu mill-każ quddiemu minħabba rabta personali b’referenza għal meta l-Imħallef irrekuża ruħu fil-każ tal-Pulizija kontra Daphne Caruana Galizia, propju minħabba li martu hi MEP Laburista.

Għal Simon Busuttil qed jidher l-avukat Jason Azzopardi.