Grupp ta’ priġunieri ta’ nazzjonalità Għarbija kellhom jitrażżnu wara ġlieda li nqalgħet f’Division 1 tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, NET News jista’ jiżvela.
Il-ġlieda nqalgħet wara li lbieraħ sar rajd f’din id-division, fejn l-uffiċjali tal-ħabs qabdu priġunier partikolari, ukoll ta’ nazzjonalità Għarbija, fil-pussess ta’ mobile phone.
F’Division 1 jinżammu numru ta’ priġunieri, kemm Maltin kif ukoll barranin. Minn informazzjoni li għandu NET News, il-ġlieda nqalgħet hekk kif l-uffiċjali tal-ħabs marru biex jissekwestraw il-mobile phone misjub.
Dan għaliex il-priġunier li nstab fil-pussess tal-mobile, sab l-appoġġ ta’ priġunieri ħbieb tiegħu, kollha ta’ nazzjonalità Għarbija, li marru biex jaqbżu għalih u jwaqqfu lill-uffiċjali milli jissekkwestraw il-mobile misjub.
Minħabba l-ġlied li nqala’, kellhom jissejħu fuq il-post numru ta’ uffiċjali mill-SRT (l-Ispecial Response Team), taqsima fil-ħabs immexxija mill-eks suldat Amerikan Robert Edmondson, u li l-iskop tagħha hu li tiġġieled il-problema tad-droga fil-Faċilità Korrettiva.
Din mhix l-ewwel darba li saru rejds f’Division 1. Fil-bidu ta’ Frar li għadda, il-gazzetta In-Nazzjon irrappurtat li Pulizija pajżana għamlu rejd fl-isfond ta’ rapporti dejjem jiżdiedu ta’ preżenza kbira ta’ droga sintetika u tradizzjonali fil-Ħabs ta’ Kordin. Dan hekk kif kull ma jmur, qed ikun aktar evidenti li l-awtoritajiet u l-uffiċjali tal-ħabs mhux qed jirnexxielhom isibu tarf din il-problema.
Sadanittant, jirriżulta li dawk kollha involuti fil-ġlieda, ġew trasferiti f’Division 6, it-taqsima magħrufa bħala d-division ‘tal-kastigi’ peress li fiha jitpoġġew priġunieri li kontrihom jittieħdu passi dixxiplinarji. Imma ironikament jidher li anke f’din id-diviżjoni ġieli nstabet id-droga.
Jidher ukoll li l-uffiċjali tal-ħabs lanqas mhu qed jirnexxielhom isibu tarf tal-problema tal-mobile phones fil-pussess tal-priġunieri, minkejja li NET News jinsab infurmat li fil-ħabs ġie introdott apparat ġdid biex jgħin fit-tiftix tal-mobiles.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, priġunier inqabad b’mobile phone wara li tella’ selfie fuq Facebook. Jirriżulta li mis-sena 2013, instabu 150 mobile phone fil-Ħabs ta’ Kordin. Fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena biss, instabu 18-il mobile phone.
Dwar dan, NET News bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru tal-Intern. Fost oħrajn, staqsejna kif il-Ministeru ta’ Michael Farrugia jiġġustifika sitwazzjoni bejn il-priġunieri qed jirnexxielhom jibqgħu jdaħħlu l-mobiles fil-ħabs.
//= $special ?>