Fl-okkażjoni tal-V18, se ssir pageant madwar it-toroq u l-pjazez ewlenin tal-Belt Valletta.
Din il-pageant bl-isem ta’ ‘Il-Passjoni ta’ Kristu fil-Belt Valletta’ se ssir nhar is-Sibt 24 ta’ Marzu 2018 fis-seba’ ta’ filgħaxija.
Din se ssir mill-Fondazzjoni V18 flimkien mal-Għaqda Kultura u Armar. Il-pageant se toħroġ mill-Palazz tal-Granmastru, timxi lejn Triq ir-Repubblika, Triq Melita, Triq Merkanti, Triq San Kristofru, u timxi lura lejn Triq ir-Repubblika. Hi se tasal fi tmiema fuq iz-zuntier tal-Konkatidral ta’ San Ġwann fejn se jsir musical tal-aħħar mumenti tal-ħajja ta’ Kristu.
Madwar 400 personaġġ bibliku mit-Testment il-Qadim u l-Ġdid se jkun qed jieħdu sehem fil-pageant, kif ukoll bosta annimali.
Waqt il-pageant se jkun hemm tliet baned Maltin li se jieħdu sehem, l-Għaqda Mużikali Marija Annunjata ta’ Ħal Tarxien, l-Għaqda Mużikali Beland taż-Żejtun, u l-Banda King’s Own tal-Belt Valletta. L-ewwel żewġ baned se jibdew fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija fejn se jkun qed jimxu b’marċi funebri minn ħdejn il-Berġa ta’ Kastilja sa ħdejn il-Palazz tal-President. Il-Banda King’s Own se tkun qed titlaq minn ħdejn it-Teatru Rjal u tkompli mal-purċissjoni.
//= $special ?>