Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat, f’sentenza li tat, li l-editur maniġerjali tal-MaltaToday Saviour Balzan huwa ħati ta’ libell fil-konfront ta’ Richard Cachia Caruana, l-eks Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat li Saviour Balzan kien qal affarijiet biex jattakka r-reputazzjoni ta’ Richard Cachia Caruana u dan minkejja li ma kellu “l-ebda bażi oġġettiva jew fattwali” għal dak li kien qal.
Il-każ kollu hu dwar artiklu miktub fl-2009, fejn Saviour Balzan għamilha fatt li Richard Cachia Caruana kellu ‘reġiment’ ta’ bloggers u ġurnalisti li kienu qegħdin hemm għas-servizz tiegħu biex ixerrdu l-mibiegħda fil-konfront ta’ min kien jikkritika lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Il-Qorti nnutat li hu evidenti li waħda mill-persuni li Saviour Balzan kien jimplika li kienet tifforma parti mir-‘reġiment’ tiegħu, kienet Daphne Caruana Galizia, bil-Qorti tikkonferma li dak li qal Saviour Balzan dwar Richard Cachia Caruana huwa malafama bl-intenzjoni li jattakka r-reputazzjoni ta’ Cachia Caruana.
B’hekk, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza li kienet diġà ngħatat mill-Qorti tal-Maġistrati f’Novembru tas-sena li għaddiet. Dakinhar, il-Qorti wkoll kienet qalet li imkien ma jirriżulta li Richard Cachia Caruana kien jikkontrolla x’kellu jinkiteb mill-ġurnalisti.
Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat ukoll li Saviour Balzan għandu jħallas €3,000 lil Richard Cachia Caruana.
//= $special ?>