Internazzjonali

Is-Sirja: Jaħarbu l-eluf mill-konflitti ta’ Afrin u Ghouta

L-attivisti fis-Sirja qalu li setgħu ħarbu ‘il fuq minn 50,000 persuna waqt l-offensivi separati mill-qawwiet tal-Gvern Sirjan fuq ribelli fin-nofsinar u t-tramuntana tal-pajjiż.

Jidher li mat-30,000 kienu telqu mill-belt ta’ Afrin, fin-naħa ta’ Fuq tas-Sirja, wara li l-militar tat-Turkija u l-alleati tagħhom irrankaw offensiva fuq l-inħawi.

Il-bumbardamenti mill-qawwiet Torok ħalliew talanqas 20 maqtula fiz-zoni ta’ Afrin, bil-ġlied jinfirex anki madwar il-limiti tal-belt.

Afrin, fejn il-parti kbira tar-residenti huma Kurdi etniċi, tinsab viċin il-fruntiera tas-Sirja u din il-belt ilha l-jiem suġġetta għall-bumbardamenti – mill-ajru u mill-art – tal-qawwiet Torok u l-alleati Sirjani tagħhom.

It-Turkija qed tmexxi l-offensiva kontra l-YPG – grupp ta’ milizzji Kurdi li għandhom l-appoġġ tal-Istati Uniti u li Ankara tqishom bħala estensjoni tal-militanti Kurdi tal-PKK li ilhom għexieren tas-snin jiġġieldu kontra t-Turkija.

L-aħħar rapporti minn Afrin qalu li telqu mijiet aktar familji fost il-bumbardamenti, u li nqatlu ‘aktar tfal’ fl-inħawi. Dan waqt li l-qawwiet Torok u l-alleati Sirjani kienu qed jippruvaw jassedjaw Afrin mid-direzzjoni tat-Tramuntana, fost reżistenza mill-YPG.

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, qal li pajjiżu mhux se jieqaf mill-offensiva sakemm jikkonkludi ‘il-missjoni’ biex jieħu l-kontroll ta’ Afrin.

Sadanittant, kompla l-eżodu ta’ residenti mir-reġjun tal-Lvant ta’ Ghouta, barra Damasku, fejn il-qawwiet tal-Gvern Sirjan qed jikkonċentraw l-isparar fuq diversi zoni.

Il-movimenti tal-immigranti qed isiru seba’ snin wara l-bidu tal-konflitt ċivili fis-Sirja.

F’din il-gwerra, irriżultaw talanqas 12-il miljun refuġjat li kienu kostretti jabbandunaw djarhom fost il-battalji.

Twaqqfu numru ta’ rotot ‘umanitarji’ – taħt il-kontroll tal-Gvern Sirjan – li għandhom jippermettu biex in-nies jitilqu mil-Lvant ta’ Ghouta. Dan meta s’issa ħarbu għexieren tal-eluf minn dawk l-inħawi. L-indikazzjonijiet huma li l-qawwiet favur Assad ħatfu 70 fil-mija tal-artijiet fir-reġjun partikulari wara ġimgħat ta’ ġlied intensiv mar-ribelli.