Tliet persuni nżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti b’konnessjoni mal-attentat karozza-bomba fil-Fgura f’Jannar li għadda.
Paul Farrugia, Jonathan Farrugia u Lorenzo Callus kienu fost l-erba’ persuni li l-Ħamis ġew arrestati f’għalqa f’Birżebbuġa.
Sadanittnat, ir-raba’ persuna, li aktar kmieni ġie identifikat bħala Peter Paul Cachia, ħu d-Deputat Therese Comodini Cachia, ġie rilaxxat u nħeles mill-arrest tal-Pulizija, u għaldaqstant ma tressaqx il-Qorti.
Dan ifisser li fl-aħħar siegħat, il-Pulizija sabu biżżejjed evidenza biex iressqu t-tliet irġiel l-oħra l-Qorti, iżda ma sabux li kellhom evidenza biex iressqu lil ħu Comodini Cachia.
It-tliet irġiel twasslu l-Qorti b’skorta armata, u ddaħħlu fil-bini tal-Qorti mill-bieb ta’ wara minħabba raġunijiet tas-sigurtà.
Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, fejn il-Qorti ma laqgħatx it-talba tad-difiża tat-tliet irġiel biex dawn jingħataw il-ħelsien proviżorju. B’hekk, it-tliet irġiel qed jibqgħu jinżammu arrestati sakemm tibda tinġabar l-evidenza kollha quddiem il-Qorti.
Għall-imputati qed jidhru l-Avukati Roberto Montalto, Franco Debono u Christopher Chircop.

L-irġiel ġew akkużati li ffinanzjaw għaqda bil-ħsieb li jwettqu reat kriminali, u bil-ħsieb li joqtlu lil Mario Scicluna – sid il-karozza li taħtha tpoġġiet il-bomba fil-bidu ta’ Jannar li għadda, bomba li fortunatament ma kinitx ħadet.
Apparti dawn l-akkużi, Wieħed mill-irġiel, Paul Farrugia kien akkużat ukoll b’pussess ta’ sigaretti bla dazju. Ħuħ, Jonathan Farrugia kien akkużat b’pussess ta’ droga – bħal Lorenzo Callus, li kien akkużat ukoll li kellu armi tan-nar mingħajr liċenzja.
Il-bomba kienet instabet taħt karozza tat-tip Mitsubishi fi Triq Sant’Antnin il-Fgura. L-irġiel kienu arrestati waqt operazzjoni bejn il-Pulizija u bl-għajnuna tas-Servizzi tas-Sigurtà u tal-Forzi Armati ta’ Malta.
//= $special ?>FILMAT: 4 persuni arrestati b’konnessjoni mal-bomba li tpoġġiet taħt karozza fil-Fgura