Internazzjonali

Ikomplu l-protesti kontra l-Gvern fit-toroq ta’ Bratislava

Fit-toroq ta’ Bratislava, il-kapitali tas-Slovakkja, reġa’ kien hemm baħar nies li niżlu jipprotestaw għal bidla fil-poter wara l-qtil tal-ġurnalist investigativ Jan Kuciak u l-għarusa tiegħu.

Kelliema qalu li filwaqt li kien minnu li l-Prim Ministru Robert Fico kien assuma r-responsabbilta politika u riżenja minn Prim Ministru, hu xorta baqa’ bħala mexxej tal-partit Smer-SD fil-Gvern u għalhekk se jiqba’ influwenti minn wara l-kwinti. Għalhekk qed jintalab li jkun hemm elezzjoni ġenerali bikrija biex il-poplu jgħid tiegħu għaliex jinħass il-bżonn li jkun hemm bidla fil-poter.
Din hi t-tielet ġimgħa konsekuttiva li kien hemm protesti fit-toroq tas-Slovakkja wara l-qtil tal-ġurnalist investigativ Jan Kuciak u l-għarusa tiegħu Martina Kusnirova.
Fico min-naħa tiegħu qed isostni li l-koalizzjoni tal-Gvern li kien imexxi kellu l-mandat biex isservi sal-2020.

Il-ġimgħa filgħaxija kien hemm protesti fi 35 belt madwar is-Slovakkja b’rabta mal-qtil ta’ Kuciak u bl-akbar tkun dik fil-kapitali Bratislava.
Il-qtil ta’ Kuciak, li kien jikteb dwar il-korruzzjoni fil-pajjiż, u l-aħħar storja tiegħu, dwar ir-rabtiet bejn il-mafja Taljana u uffiċjali għolja fil-Gvern, apparti r-riżenja ta’ Fico waslet ukoll għar-riżenja tal-Ministru tal-Intern, il-Ministru tal-Kultura u diversi uffiċjali għolja fil-Gvern.