Kultura Lokali

Il-Maestro Antonino Oddo l-mistieden speċjali għall-kunċert ‘Riflessi’

Il-kompożitur Taljan Antonino Oddo ser ikun il-mistieden speċjali waqt il-kunċert ‘Riflessi’ li ser jittella’ għada s-Sibt 17 ta’ Marzu 2018 fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesà fil-Belt Valletta fis-7.15pm.

Dan il-kunċert qed jittella’ b’mod konġunt bejn is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan u s-Società Filarmonica Nazionale La Valette fl-okkażjoni tal-25 sena anniversarju tas-Surmast Dominic Darmanin bħala Surmast tal-Banda Pinto u l-10 snin anniversarju tal-istess Surmast bħala Surmast tal-Banda La Valette.

Ta’ min isemmi li minkejja li d-dħul ta’ dan il-kunċert huwa mingħajr ħlas, ser ikunu qed jinġabru donazzjonijiet b’risq il-Mission Fund. Kull min ser jattendi għal dan il-kunċert ser ikun jista’ jisma’ mużika mill-isbaħ addattata għall-dawn iż-żminijiet kif ukoll rifflessjonijiet b’differenza permezz ta’ videos qosra li ser juru r-realtajiet tal-faqar f’pajjiżi li qed jagħtu s-servizz tagħhom il-Mission Fund.

Dawn id-dettalji ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’ fil-Belt Valletta. Matul dan il-kunċert ser jindaqqu fost l-oħrajn żewġ marċi funebri mill-aktar popolari mad-dilettanti, tal-kompożitur Antonino Oddo li ser jindaqqu mill-banda li ser tkun taħt id-direzzjoni tal-istess Surmast Taljan.

Fir-Ritratt mix-xellug jidhru: Fr Marcellino Micallef, Gwardjan tal-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’ tal-Belt Valletta u Direttur Spiritwali tal-Mission Fund, is-Sur Jonathan Grima, President tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette, Mro Antonino Oddo, Mro Dominic Darmanin, Is-Sur Charles Spiteri, President Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan u Charles Saliba, Asst Segretarju Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan.