Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li qed jistenna li jkun hemm trasparenza fid-deċiżjoni tal-Gvern li jixtri ismha fil-bank Lombard mill-fondi li jidħlu mill-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.
Fl-istqarrija, iffirmata mill-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco u Kristy Debono, il-Partit Nazzjonalista tenna l-pożizzjoni tiegħu f’Diċembru li għadda meta fondi mill-bejgħ tal-passaporti ntuzaw biex inxtraw ishma tal-Bank of Valletta.
L-Oppożizzjoni dakinhar kienet sosniet li dan imur kontra il-provedimenti tal-liġi kif approvati mill-Parlament. Dawn il-provedimenti jinkludu 12 il-oġġettiv li għalihom jistgħu jintużaw il-fondi ta din l-iskema.
L-oġġettivi jvarjaw minn inizjattivi biex isiru proġetti b’għan soċjali, edukattivi, u li jgħinu biex jitkattru l-postijiet tax-xogħol. Oġġettivi oħra jitkelmu fuq miżuri biex tissaħħaħ il-governanza tajba u fuq inizjattivi favur is-saħħa u l-kura tal-anzjani. L-ebda wieħed minn dawn l-oġġettiv ma jkopri ix-xiri ta’ ishma fil-banek.
L-Oppożizzjoni qalet li tinnota wkoll dak li ġie rappurtat mill-midja, li sorsi qed jgħidu li dan il-pass huwa wieħed temporanju. Għalhekk qed titlob lill-Gvern li jimxi bit-trasparenza u jispjega r-raġunijiet wara dan il-pass u kif dawn jorbtu mal-provvedimenti tal-liġi tal-bejgħ tal-passaporti; u jekk hux vera li dan huwa pass temporanju u fl-aħħarnett x’metodu se juza biex jiddisponi minn dawn l-ishma u meta.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li jqis li l-qafas tas-settur bankarju huwa wieħed b’saħħtu u kompetittiv u għalhekk m’għandux jinbidel dan il-mudell. Il-Gvern għandu wkoll jikkonsulta mas-settur qabel jieħu dawn id-deċiżjonijiet u l-fondi ġejjin mill-bejgħ tal-passaporti għandhom jintużaw għal kawżi soċjali u l-iżvilupp.
//= $special ?>