Kienet imnedija uffiċjalment l-avventura ta’ din is-sena tal-Alive Cycling Challenge for Cancer biex jinġabru fondi għar-riċerka kontra l-marda tal-kanċer. It-tnedija saret fil-Palazz ta’ San Anton taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.
Fl-avventura ta’ din is-sena, iċ-ċiklisti tal-Alive se jaqdfu 1,200 kilometru f’sebat ijiem biex imorru Vjenna, Salzburg, Brenner Pass, Lago di Garda u Milan. Bit-tema “Together We Can”, l-avventura ta’ din is-sena se ssir ad unur Aldo Bonett, li miet f’Diċembru li għadda wara li kien qed isuq ir-rota u sofra attakk tal-qalb.
Għat-tielet sena konsekuttiva, l-avventura tal-Alive qed tkun mgħejjuna mill-kumpanija Remax, li temmen li l-Fondazzjoni Alive hi raġġ ta’ tama għal dawk li jbatu mill-marda tal-kanċer. Il-kumpanija temmen li dawn iċ-ċiklisti huma kollha eroj għas-sagrifiċċju li jagħmlu biex din l-esperjenza tkun suċċess.
Waqt it-tnedija, il-Fondazzjoni Alive ippreżentat ċekk ta’ 100,000 ewro li nġabru fl-avventura tas-sena li għaddiet u li ngħaddew lill-Fond tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Iżvilupp fi ħdan l-Università ta’ Malta (RIDT) ħalli tinġabar dejjem aktar informazzjoni għal dan il-għan.
Min-naħa tagħha, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca faħħret il-ħidma tal-Fondazzjoni Alive għax qalet li din dejjem tqum għall-okkażjoni. Hi sostniet li hu importanti li f’ħidmietna nkunu pro-attivi u f’sinerġija biex nispjegaw aktar kemm hi importanti r-riċerka fil-ġlieda kontra l-kanċer.
Iċ-ċiklisti tal-Fondazzjoni Alive se jħallu Malta fid-19 ta’ Lulju li ġej.
//= $special ?>