Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER: Balzan jibqgħu fil-quċċata b’rebħa komda

Stewart Said

BALZAN………………2
MOSTA………………..0

Balzan żammew mal-previżjoni qabel il-partita, b’rebħa komda fuq Mosta, rebħa li biha komplew jersqu qrib ir-rebħ tal-ewwel kampjonat tagħhom. Partita kwieta u milgħuba fuq ritmu baxx, bit-tim ta’ Balzan ikollu superjorità assoluta fil-pitch iżda bi ftit azzjonijiet, bl-avversarji aktar jikkonċentraw li ma jsofrux ħafna gowls milli biex jiskorjaw.

Marco Micovic għamel erba’ bidliet mir-rebħa kontra Birkirkara. Il-gowlkiper Sean Mintoff, Justin Grioli, Harry Ascroft u Bojan Kaljevic bdew flok Ivan Janjusevic, Ivan Bozovic, Michael Johnson u Alex da Paixao Alves rispettivament.

Fuq in-naħa l-oħra l-kowċ ta’ Mosta Johann Scicluna għamel ħames bidliet mit-telfa kontra Gżira United. Fosthom irritorna minn sospensjoni d-difensur regolari Davide Mansi filwaqt li l-captain Kurt Magro kien sospiż. Scicluna kompla wkoll jesperimenta b’diversi barranin.

L-ewwel azzjoni perikoluża waslet f’nofs l-ewwel taqsima b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Carlos de Fiori Mendes li spiċċa ftit għoli.

Minuta wara Balzan fetħu l-iskor. Kien kross mix-xellug, Tyrone Farrugia naqas li jbiegħed sew il-periklu bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ Milos LEPOVIC li b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa għeleb lil Andreas Vella.

Balzan marru qrib it-tieni gowl tliet minuti wara. Lepovic krossja mix-xellug fejn sab lil Alfred Effiong, bl-attakkant jimpenja lil Vella b’daqqa ta’ ras, iżda l-gowlkiper Mosti kien attent u dawwar f’korner.

It-tim ta’ Micovic kompla fuq l-attakk u fit-42 minuta laqtu l-lasta meta minn korner ta’ de Fiori Mendes, Alfred Effiong laqat il-wieqfa b’daqqa ta’ ras fuq l-ewwel lasta.

Ir-ritmu tat-tieni taqsima baqa’ l-istess, b’Mosta jiddefendu filwaqt li Balzan bdew idawru l-ballun mingħajr ma jkunu perikolużi wisq.

Fil-fatt kellu jkun fid-69 minuta li Balzan kienu ftit perikolużi b’xutt ta’ Paul Fenech minn barra l-kaxxa li kien salvat f’darbtejn minn Vella.

L-unika okkażjoni li ħolqu Mosta seħħet għaxar minuti mit-tmiem meta Damir Bartulovic irċieva ballun fit-tul fil-kaxxa minn kontrattakk iżda x-xutt finali tiegħu spiċċa għoli.

Balzan irduppjaw ħames minuti mit-tmiem f’azzjoni maħduma bejn is-sostituti. Kien kross fil-baxx mix-xellug ta’ Alex da Paixao Alves li għadda tul il-lasta b’Jacob BORG ikun pront u jispara wara Vella.