Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER: Doppjetta ta’ Fontanella u tliet punti għal Floriana

Keane Cutajar

FLORIANA…………………………………..2
NAXXAR L………………………………1

Fil-ġurnata tal-festa tal-Irlandiżi, it-tim magħruf bħala tal-Irish, Floriana, żammew il-pass ma’ ta’ fuqhom b’rebħa li resqithom viċin Gżira United u li tħallihom fit-taqtiha għall-post fl-Ewropa.

Għalkemm Naxxar taw sfida denja lill-Furjaniżi xorta waħda ma ħadu xejn minn din il-partita anke jekk kien ħaqqhom aħjar, li issa tħallijhom qabel tal-aħħar fil-klassifika.

Għaddew biss minuta u nofs u Floriana marru minn fuq, wara li żball difensiv ta’ Naxxar wassal biex Juninho Cabral daħal waħdu fil-kaxxa qabel qassam lejn Mario FONTANELLA li bil-kalma kollha tefa’ f’lasta vojta, bil-gowlkiper Naxxari ikun għadu jipressa lil Cabral.

Ir-risposta ta’ Naxxar waslet seba minuti wara meta Yuri De Jessus Messias avvanza lejn il-kaxxa qabel ittanta xortih b’xutt li iżda għadda għoli.

Appena għaddew 19-il minuta, il-ħomor reġgħu resqu viċin wara li ħarġa difettuża ta’ Matthew Grech waslet biex il-ballun spiċċa f’saqajn Matheus Verissimo Casarotto li prova jitfa f’lasta vojta pero falla l-mira.

Qabżu n-nofs sija logħob u reġa kien Messias li xxutja lejn il-lasti din id-darba dirett minn freekick li kien mogħti ċentrali u ma ħoloq l-ebda problemi għal Grech.

Mas-siegħa logħob kien Messias li reġa prova dirett minn freekick, bl-għajnuna tar-riħ, li għalih kien tajjeb il-gowlkiper Furjaniż li ġġebbed biex salva.

Floriana resqu viċin it-tieni ħames minuti wara, meta azzjoni tajba madwar il-kaxxa waslet għal kross li għalih daħal is-sostitut Denilson Borg Castaldi iżda tefa’ barra.

It-tim ta’ Nicolas Chiesa għamluhom tnejn fis-67 minuta minn freekick perfett tas-solitu Maurizo Vella mix-xellug li għalih daħal FONTANELLA u skurja b’xutt b’saħħtu.

Rafael Santos Henriques Caetano għamel l-impossibli u tefa’ barra minn qagħda komda ħames minuti wara, azzjoni li setgħet daħlet lin-Naxxarin lura fil-partita.

Meta kien fadal għaxar minuti logħob, Floriana kienu veloċi fuq il-kontra attakk bil-ballun jassal għand Vella li minn qagħda angolata venven lejn il-lasti iżda sab lil Luan Polli Gomes attent li dawwar f’korner.

Żewġ minuti wara kien is-sostitut Darren Falzon li prova dirett minn freekick li kien faċli għal Grech.
Ftit wara kien Jurgen Pisani li spiċċa f’qagħda tajba li minna xeħet lejn il-lasta iżda b’tentattiv wisq ċentrali.

Naxxar komplew ifittxu l-gowl u fis-86 minuta kien l-eks ta’ Floriana Manolito Micalef li kellu t-tentattiv tiegħu imblukkat qabel seta’ jagħmel l-iskor 2-1.

Fit-88 minuta il-greens resqu viċin it-tielet iżda ma kellux ikun bil-gowlkiper Naxxari bi bravura jsalva l-ewwel xutt ta’ Cabral u mir-rebound salva fuq Fontanella u ċaħdu milli jaqqgħad it-tripletta. L-azzjoni kompliet u Naxxar ħelsuha ħafif.