Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER: Michael Mifsud iħalli lil Valletta jittamaw

Stewart Said

ST. ANDREWS……….0
VALLETTA…………….1

Gowl lejn it-tmiem ta’ Michael Mifsud ta rebħa drammatika ta’ 1-0 lil Valletta biex b’hekk wieġbu għar-rebħa ta’ Balzan u d-distakk baqa’ ta’ punt. Partita li dehret li se tmur aktar favur St. Andrews wara li ddefendew b’għaqal il-logħba kollha.

Minkejja r-rebħa, baqa’ evidenti l-problemi ta’ Valletta biex jiskorjaw hekk kif reġgħu fallew diversi okkażjonijiet tul il-logħba.

Il-kowċ ta’ Valletta Danilo Doncic kellu jibdel iż-żewġ difensuri laterali mir-rebħa kontra Hibernians. Romeu Romao u Jean Borg bdew flok Enmy Pena Beltre u Joseph Zerafa. Bidla għal St. Andrews mit-telfa kontra Sliema, b’Ricardo Martin jirritorna flok Matthew Gauci.

L-ewwel periklu ta’ Valletta wasal wara 10 minuta b’korner ta’ Santiago Malano li kien imbiegħed minn fuq il-linja mill-gowlkiper Matthew Calleja Cremona. Ċans ieħor għat-tim Belti fit-18-il minuta iżda Calleja Cremona ħareġ fil-ħin biex imblokka daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Albert Prosa.

Valletta kellhom il-kontroll assolut tal-logħba iżda bdew ikunu ftit perikolużi, sakemm fit-32 minuta ħolqu okkażjoni tajba. Kien xutt kross mil-lemin, Matteo Piciollo laqat il-lasta, il-ballun spiċċa għand Rowen Muscat li kellu d-daqqa ta’ ras maqlugħa fuq il-linja, bit-tielet konklużjoni ta’ Raed Saleh tispiċċa barra.

It-tim ta’ Doncic reġa’ laqat il-lasta fit-42 minuta b’xutt sabiħ ta’ Matteo Piciollo li laqat il-wieqfa, bil-ballun jasal għand Santiago Malano iżda x-xutt tiegħu spiċċa għoli. Madankollu ftit sekondi wara St. Andrews għal ftit ma fetħux l-iskor b’Tano Azian jaħsad lil Henry Bonello b’xutt minn barra l-kaxxa, iżda l-ballun stampa mal-mimduda.

Danilo Doncic daħħal lil Michael Mifsud fil-bidu tat-tieni taqsima bl-għan li jkun aktar offensiv u proprju kien hu li ħoloq l-ewwel ċans tat-tieni taqsima b’xutt djagonali fil-baxx li kien salvat minn Calleja Cremona.

Valletta bdew iżidu l-isforzi tagħhom u f’temp ta’ żewġ minuti qabel is-siegħa kellhom tliet okkażjonijiet. L-ewwel kien xutt ta’ Piciollo minn barra l-kaxxa li spiċċa fuq il-lasta, biex minuta wara minn kross tat-Taljan, ix-xutt fil-baxx ta’ Malano kien imxellef f’korner. Mill-istess korner, Calleja Cremona blokka tajjeb ix-xutt ta’ Mifsud.

L-għaġġla bdiet tagħmel tagħha b’Valletta ma jkunux perikolużi biżżejjed. Kien fit-83 minuta li St. Andrews marru viċin b’xutt fil-baxx ta’ Atkinson li kien imdawwar f’korner mhux preċiż minn Bonello.

St. Andrews komplew jingħalqu fid-difiża, b’Valletta jitfgħu kollox fuq l-attakk. Kien fid-93 minuta li Valletta skorjaw il-gowl tar-rebħa meta Michael MIFSUD tħalla żmarkat fil-kaxxa u wara li rċieva ballun mil-lemin spara fix-xibka.