L-Arabja Sawdija wissiet li għandha tiżviluppa l-arma nukleari tagħha f’każ li l-Iran fundamentalista – rivali kbir tas-Sawdi fir-reġjun – jikseb bomba fuq dan il-livell.
Il-Prinċep Mohammed bin Salman qal lis-CBS News li pajjiżu ma jridx jakkwista l-armi nukleari iżda ‘ftit hemm dubju li s-Sawdi se jirrankaw l-isforzi tagħhom f’dan ir-rigward’ f’sitwazzjoni fejn l-Iran jirnexxilu jiżviluppa l-bomba nukleari.
L-Iran kien illimita l-programm nukleari tiegħu taħt ftehim tal-2015 li kien daħal għalih flimkien ma’ diversi potenzi tad-dinja. Madankollu, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qed jhedded li jirtira minn dan il-ftehim.
L-Arabja Sawdija u l-Iran ilhom is-snin rivali kbar ta’ xulxin fil-Lvant Nofsani.
Filwaqt li s-Sawdi huma Iżlamiċi Sunniti, l-Iranjani jħaddnu t-twemmin Xit Iżlamiku.
Iż-żewġ pajjiżi huma magħrufa wkoll li jappoġġjaw lil potenza kontra l-oħra fil-konflitti tar-reġjun. Dan meta fl-aħħar snin irrankat it-tensjoni bejn is-Sawdi u l-Iranjani minħabba l-gwerer li għaddejjin bħalissa fis-Sirja u l-Jemen.
Il-Prinċep bin Salman, li hu l-eredi għat-tron tal-Arabja Sawdija u li hu wkoll il-Ministru għad-Difiża Sawdi, għamilha ċara li pajjiżu lest iwieġeb għal kwalunkwe ‘eskalazzjoni’ f’din id-sitwazzjoni delikata.
Meta tkellem waqt il-programm 60 Minutes ( tas-CBS) hu spjega għalfejn kien irrefera għall-Ayatollah Ali Khamenei ( il-mexxej suprem tal-Iran) bħala ‘l-Adolf Hitler ġdid tal-Lvant Nofsani’. Il-Prinċep saħaq li ‘Khamenei irid joħloq il-proġett tiegħu fil-Lvant Nofsani, fuq l-istess stil tal-eksdittatur Nażista li fi żmienu ried li jespandi l-pjanijiet tiegħu fl-Ewropa’
Bin Salman kompla li ‘ħafna pajjiżi madwar id-dinja u fl-Ewropa ma rrealizzawx kemm Hitler kien bniedem perikoluż qabel seħħ dak li kellu jseħħ’ waqt li sostna li ‘ma jridx jara l-istorja tirrepeti ruħha fil-Lvant Nofsani’.
L-Arabja Sawdija, li hi alleata tal-Istati Uniti, ilha mill-1988 fost il-pajjiżi firmatarji għat-Trattat li jevita l-iżvilupp u l-firxa tal-Armi Nukleari fid-dinja.
L-Arabja Sawdija lesta tiżviluppa bomba nukleari…f’każ li l-Iran jieħu dan il-pass


