Lokali

M’għandhomx jittieħdu deċiżjonijiet li jħallu impatt negattiv fuq l-Air Malta – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li jinnota r-rapporti li dehru fil-midja f’dawn l-aħħar sigħat dwar d-deċiżjoni li ttieħdet li jintuża ajruplan mikri mingħand Getjet Airlines miżbuħ bl-abjad. Din id-deċiżjoni wasslet biex passiġġieri spiċċaw f’inkonvenjent kbir b’delays twal sa’ 15-il siegħa.

Filwaqt li juri solidarjetà mal-passiġġieri li spiċċaw inqabdu f’dawn id-delays twal u f’aktar minn titjira waħda, il-Partit Nazzjonalista qal – fi stqarrija ffirmata mill-Viċi Kap u Kelliem għat-Turiżmu Robert Arrigo – li jqis li din id-deċiżjoni li jinkera dan l-arjuplan mil-Litwanja, saret ta’ malajr u mingħajr kordinazzjoni fil-loġistika mal-kumpanija barranija.

Filwaqt li jaqbel li l-linja nazzjonali tal-ajru għandha tikber, tissaħħaħ u toħloq aktar impjiegi, il-Partit Nazzjonalista żied jgħid li jemmen ukoll li l-ippjanar għandu jsir tajjeb u b’mod professjonali sabiex din id-deċiżjoni ma tħallix impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tajba li tgawdi l-Air Malta.

AĠĠORNATA: Titjira għal Linate tispiċċa bl-iskossi