Internazzjonali

Passi kontra l-ivjaġġar ta’ Ċiniżi anti-soċjali

L-awtoritajiet Ċiniżi se jibdew jieħdu passi kontra dawk in-nies li jġibu ruħhom ħażin mhux se jibdew jitħallew jivjaġġaw. Dawn se jibdew jitpoġġew fuq lista biex ma jitħallewx jirkbu mezzi ta’ trasport fosthom ajruplani u ferroviji.
Fuq din il-lista se jitpoġġew kemm dawk li jinqabdu jxerrdu informazzjoni falza inkella li jħarrbtu vjaġġ bl-aġir tagħhom kif ukoll jekk jużaw biljetti foloz jew ipejpu fuq il-ferroviji.
Barra minn hekk dawk li jinqabdu li ma ħallsux il-bolla jew dawk li ma ħallsux xi multa wkoll se jitpoġġew fuq din il-lista.
Intqal li dawn ir-regoli se jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju.
Dawn il-passi qed isiru skont il-pjani tal-President Xi Jinping li jibni sistema ta’ kreditu soċjali bażata fuq il-prinċipju li jekk wieħed jinqabad darba jqarraq allura wieħed ma seta’ jafdah f’xejn.
L-awtoritajiet Ċiniżi fasslu sistema li se tippermetti lil diversi aġenziji tal-Gvern li jaqsmu l-informazzjoni dwar kemm wieħed seta’ jorbot fuq iċ-ċittadini u jitnaqsu punti bażati fuq l-aġir soċjali ta’ dak li jkun.
Imma hemm ħjiel li din is-sistema ta’ punti soċjali ilha li bdiet tintuża fil-pajjiż. Fil-bidu tal-2017, il-Qorti Suprema tal-Poplu Ċiniż, waqt konferenza tal-aħbarijiet kienet svelat li 6.15 miljun ċittadin Ċiniż kienu projbiti milli jivjaġġaw bl-ajruplan minħabba aġir soċjali żbaljat.