Passiġġieri li suppost kellhom jitilqu minn Gatwick lejn Malta b’ajruplan tal-Air Malta, issa se jkollhom jibqgħu jistennew hekk kif il-linja nazzjonali tal-ajru kkanċellat it-titjira.
Skont l-Air Malta, it-titjira ġiet kanċellata minħabba “ħtiġijiet tas-servizz”. L-ajruplan kellu jitlaq minn Malta fid-disgħa neqsin għoxrin ta’ dalgħodu.
Minħabba f’hekk, il-linja nazzjonali tal-ajru se jkollha tħallas eluf ta’ ewro biex takkomoda lill-passiġġieri f’lukandi li hemm qrib l-ajruport, u kif ukoll biex tagħti ikel u xorb b’xejn tul il-ħin kollu li l-passiġġieri jibqgħu maqbudin l-Ingilterra.
Filfatt, minn informazzjoni li għandu NET News, l-Air Malta kellha tagħti mal-€400 lil kull passiġġier.
Peress li għadhom ma waslux żewġ ajruplani ġodda għall-Air Malta, il-linja tal-ajru qalet li qed ikollha tikri ajruplani għal perjodi qosra mingħand kumpaniji oħra. L-Air Malta żiedet tgħid li filfatt, it-titjira kanċellata minn Gatwick kellha tkun operata b’wieħed minn dawn l-ajruplani mikrijin.
Id-deċiżjoni tal-Air Malta li tikkanċella t-titjira minn Gatwick terġa’ tpoġġi lil-linja nazzjonali tal-ajru fl-aħbarijiet għar-raġunijiet il-ħżiena. Dan hekk fi tmiem il-ġimgħa wkoll, passiġġieri li kellhom iħallu Malta abbord titjira tal-Air Malta għal Milan-Linate, kellhom jistennew aktar minn siegħa biex jitilqu mill-Ajruport minħabba ħsarat li kellu l-ajruplan. Inċident li wassal biex l-Air Malta kellha tuża ajruplan tal-Getjet Airlines.
//= $special ?>