Tliet persuni ndarbu fi ġlieda f’San Pawl il-Baħar wara argument li żviluppa bejn tliet irġiel ġo appartament.
L-inċident seħħ fi Triq Ċensu Tanti għall-ħabta tan-nofsiegħa u minħabba l-ġlieda, fuq il-post kellhom jissejħu ammont sostanzjali ta’ Pulizija, kemm tad-distrett kif ukoll mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit.
Il-Pulizija qalet fi stqarrija li l-inċident beda ġo appartament viċin u kompla fit-triq.
Fost dawk li ndarbu hemm mara, ta’ nazzjonalità Rumena residenti San Pawl il-Baħar u li għandha 35 sena. Filfatt, fuq il-post kellha tissejjaħ ambulanza biex tagħtiha l-attenzjoni medika. Skont il-Pulizija, il-mara nstabet mal-art.
It-tim mediku assista wkoll lil raġel Libjan ta’ 38 sena li ġarrab ġrieħi gravi, kif ukoll lil raġel mill-Bulgarija ta’ 34 sena li weġġa’ ħafif.
L-argument eskala tant li fil-post kien hemm waħda mill-karozzi bil-ħġieġa ta’ wara mkissra. Il-kommossjoni wasslet ukoll biex fl-inħawi nġabru ammont sostanzjali ta’ persuni.
Sadanittant il-Libjan qed jinżamm mill-Pulizija sabiex jgħin fl-investigazzjoni li għaddejja dwar dan il-każ.