Sport Sport Ieħor

Andrea Dovizioso jiftaħ l-istaġun tal-Moto GP b’rebħa missielta

Id-dwell bejn Marc Marquez (xellug) u Andrea Dovizioso wassal għal tmiem eċċitanti

Andrea Dovizioso fetaħ l-istaġun tal-Moto GP b’rebħa fl-ewwel tiġrija tal-Qatar. Hu rnexxielu jirbaħ wara li għamel l-aħħar dawra sensazzjonali biex għeleb l-isfida ta’ Marc Marquez tal-Honda b’distakk minimu ta’ 0.027 sekonda, b’Valentino Rossi tal-Yamaha jkompli l-podju.

Il-Franċiż Zarco li beda mill-pole position mar fuq quddiem fl-ewwel kantuniera u prattikament xejn ma kien qed jifred l-ewwel għaxar sewwieqa fl-ewwel dawriet. Dovizioso u Marquez bdew jagħlqu fuq Zarco u fit-18-il dawra qabżu lill-Franċiż.

Iż-żewġ sewwieqa baqgħu jissieltu sal-aħħar kantuniera tal-aħħar dawra. Iċ-champion renjanti Marquez qabeż l-ewwel fil-15-il kantuniera, iżda ma kienx kapaċi jżomm il-quċċata, b’Dovizioso jirnexxielu jmur quddiem fl-aħħar kantuniera biex rebaħ bi frazzjoni żgħira.

Rossi rnexxielu jikkontrolla l-pressjoni tas-segwaċi tiegħu biex daħal it-tielet qabel Cal Crutchlow filwaqt li Danilo Petrucci rnexxielu jitla’ sal-ħames pożizzjoni. Maverick Vinales daħal fis-sitt post wara li kien lura fl-14-il post fl-ewwel dawra.

Dani Pedrosa tal-Honda spiċċa fis-seba’ post fil-200 Grand Prix tiegħu fil-Moto GP. It-tiġrija li jmiss se ssir fl-Arġentina bejn is-6 u t-8 ta’ April.

Tags