Futbol Sport

FILMAT: Dominanza ta’ Gżira li tħallihom fit-tielet post

Ian Azzopardi jipprova jimblokka kross ta' Haruna Garba (Ritratt: Matthew Tabone)

Rapport: Keane Cutajar

GŻIRA U………………….4

SENGLEA A……………..1

Gżira: A. Curmi, R. Briffa, S. Borg, D. Mambouana, C. Gatt Baldacchino, M. Avila Perez (J. Corbolan 73’), E. Zarate (Z. Scerri 63’), H. Garba, A. Cohen, A. Samb, N. Okoye (N. Muscat 69’)

Senglea: M. Farrugia, J. Leyton, S. Bonnici, S. Uyi, I. Azzopardi, M. Garzia (G. Virano 54’), H. Vella, I. Paz (J. Farrugia 90’), B. Volpini (J. Spiteri 79’), T. Vella, P. Sammut

Imwissija: H. Garba 33’, N. Okoye 45’ (G) I. Paz 78’ (S)

Skurjaw: H. Garba 32’, 62’, A. Cohen 50’, A. Samb 60’ (G) P. Sammut 55’ (S)

Referee: Sandro Spiteri

Assistenti Referees: Christopher Francalanza, Peter Abela

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Haruna Garba (Gżira United)

Gżira United aċċertaw posthom fit-tielet post tal-klassifika qabel il-waqfa għal-logħob tat-tim Nazzjonali b’wirja stupenda kontra Senglea li apparti l-azzjoni tal-gowl, ftit li xejn kienu perikolużi. Dominanza mit-tim ta’ Darren Abdilla li tqawwilhom qalbhom għal post storiku fl-ewropa.

Haruna Garba kien l-ewwel li resaq viċin wara biss ħames minuti meta ttanta xortih minn barra l-kaxxa, tentattiv li ħasad lil Matthew Farrugia iżda stampa mal-mimduda. Amadou Samb ħabbat il-bieb għal darba oħra fit-12-il minuta minn pożizzjoni angolata fil-kaxxa ż-żgħira però sab lil Farrugia attent li mblokka b’saqajh. Hekk kif qabżu n-nofs siegħa logħob, reġa’ kien Samb li resaq viċin din id-darba bir-ras, b’Gżira jerġgħu jolqtu l-lasta.

Iżda l-persistenza sarrfet f’gowl żewġ minuti wara, b’dak li jista’ jkun meqjus wieħed mill-isbaħ gowls tal-istaġun. Haruna GARBA minn distanza notevoli venven fir-rokna tax-xibka li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper avversarju. Farrugia salva tajjeb fil-baxx fuq ix-xellug tiegħu fit-38 minuta, t-tentattiv ta’ Gżira bi tfitxija għat-tieni, xutt li kien devjat fi triqtu lejn il-lasta.

L-ewwel azzjoni ta’ Senglea waslet tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima meta Sergio Uyi daħal tajjeb fuq it-tieni lasta u prova jaqta’ il-barra bir-ras, ballun li għal ftit ma spiċċax daħal ġewwa iżda għadda kemm kemm barra. Appena kienet se tintemm l-ewwel taqsima Moises Avila Perez prova juża r-riħ favur tiegħu u ttanta xortih minn barra l-kaxxa, xutt li kien salvat b’xi ftit diffikultà minn Farrugia.

It-tim ta’ Darren Abdilla fetaħ it-tieni taqsima b’gowl fil-50 minuta meta Garba niżżel bir-ras lejn COHEN li antiċipa lil kulħadd u tefa’ ġewwa. Senglea rrispondew immedjatament bi free-kick dirett ta’ Ivan Paz li ta x’jagħmel lil Anthony Curmi li dawwar bi bravura f’korner.

Mill-istess korner it-tim tal-Isla naqqas l-iskor permezz ta’ Peter SAMMUT li kien fuq it-tieni lesta jistenna biex kemm kompla l-ballun għal ġewwa wara li l-korner għadda minn bejn kulħadd. Mas-siegħa logħob, Gżira reġgħu ġabu lura ż-żewġ gowls vantaġġ meta minn kross mil-lemin ta’ Cohen, Amadou SAMB antiċipa lill-gowlkiper tal-Isla b’daqqa ta’ ras.

Żewġ minuti wara, Farrugia kien attent salva tajjeb iżda l-azzjoni kompliet bi Gżira jibqgħu fl-attakk, u saħansitra jsibu r-raba gowl tagħhom meta l-ballun spiċċa għand GARBA li bid-dawra xeħet fix-xibka għat-tieni gowl personali.

Fis-77 minuta Gżira resqu viċin il-ħames iżda sabu lil Farrugia attent li niżel idawwar f’korner. L-aħħar azzjoni waslet fil-ħin miżjud meta wara li rebaħ free-kick is-sostitut Nicolai Muscat tefa’ fil-kaxxa lejn Andrew Cohen li falla l-mira bi żbrixx.