Il-Marokk preżentat il-kandidatura tagħha biex torganizza t-Tazza tad-Dinja tal-2026 f’isem l-Afrika, minkejja kompetizzjoni iebsa mill-grupp magħmul mill-Istati Uniti, il-Kanada u l-Messiku. Jumejn wara li ssotomettew il-pjan tagħhom lill-FIFA, il-Kap tal-Kumitat Organizzattiv Moulay Hafid Elalamy spjega d-determinazzjoni li pajjiżu jorganizza l-logħob.
Il-Marokk għażlet 12-il belt u 14-il grawnd biex jorganizzaw il-kompetizzjoni, b’Casablanca u Marrakesh għandhom żewġ grawnds kull wieħed. L-abtar wieħed hu f’Tanġier li jiflaħ sa 93,000 spettatur.
Elalamy li hu wkoll il-Ministru tal-Industrija tal-Marokk, qal li waħda mill-vantaġġi li għandha l-Marokk hi d-differenza fil-ħin li tipprovdi lil ħafna timijiet biex jaraw il-logħob f’ħin tajjeb. Hu kkonferma li l-Marokk se tkun qed toffri visa b’xejn lil ċittadini minn 70 pajjiż kif ukoll iċ-ċans li l-partitarji jiċċaqalqu minn grawnd għal ieħor minħabba li d-distanza hi relattivament qasira.
Il-Marokk kienu preżentaw l-offerta biex jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja fl-1994, l-1998 u l-2006. Il-grupp magħmul mill-Istati Uniti, il-Kanada u l-Messiku jinsabu favoriti biex jorganizzaw l-ewwel kompetizzjoni bi 48 tim. L-għażla mistennija ssir fit-13 ta’ Ġunju f’Moska, bil-pajjiżi Afrikani se jkunu qed jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Marokk.
//= $special ?>