Fil-każin tal-Partit Nazzjonalista f’San Pawl il-Baħar, numru ta’ suġġetti li bħalissa qegħdin jiddominaw il–ħsibijiet tal-poplu Malti ġew indirizzati mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia – fejn fost l-oħrajn tkellem dwar il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf, il-pensjonijiet, u s-sarima li dan il-Gvern qed jipprova jagħmel lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u lill-Ewroparlamentari Nazzjonalisti. Il-filmat bid-diskorsi sħaħ jinsabu aktar ‘l isfel.
Il-Partit Nazzjonalista se jkun il-leħen ta’ dak li m’għandux vuċi – tat-tarbija fil-ġuf
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr mal-folla preżenti fil-Każin ta’ San Pawl il-Baħar li ma kinitx b’kumbinazzjoni li inħoloq dekasteru partikolari li jiffoka fuq il-Protezzjoni tat-Tarbija fil-Ġuf – iżda dan għaliex il-Partit Nazzjonalista jrid jagħti protezzjoni u vuċi lil dak li m’għandux. Fid-diskors tiegħu semma’ kif id-deputati tal-Gvern Laburista meta affaċċjati b’mistoqsija dwar għalfejn ma jridux jagħtu protezzjoni lit-tarbija fil-ġuf, il-maġġor parti tagħhom kollha rrispondew li dan hu suġġett li bħalissa għaddejja diskussjoni fuqu. Tenna, li jridu jiddiskutu jekk għandniex noqtlu lill-bnedmin, u meta u kif se nippermettu l-qtil.
“Se nagħmluha ċara daqs il-kristall, jekk il-Partit Nazzjonalista se jagħżel ġlieda waħda biss illi ma jieqaf qatt jiġġielidha – se tkun dik li ma jieqaf qatt jiġġieled favur il-protezzjoni tal-ħajja, għall-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf. Ta’ dawk li għandhom l-aktar vuċi dgħajfa, dawk li m’għandhom l-ebda leħen. Jista’ jiġi l-Partit Laburista jitkellem dwar id-drittijiet ċivili, iżda dwar l-iktar dritt sagru se jkun leħen wieħed biss – il-leħen tal-Partit Nazzjonalista”, tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Adrian Delia qal li din mhijiex ġlieda li qed jivvinta l-Partit Nazzjonalista. Stqarr li fuq dan is-suġġett m’hemmx kwistjoni – u ara l-Partit Laburista ma jippruvax idawwar id-diskors għaliex il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf mhijiex taċ-ċajt. “Fost dawk il-bnedmin li rridu nipproteġu, irridu nipproteġu lit-tarbija fil-ġuf”. Adrian Delia stqarr li din il-liġi tal-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf diġa’ qegħda hemm – iżda għal xi raġuni l-Gvern Laburista jrid ineħħiha. Żied li d-Deputati Nazzjonalisti tkellmu b’saħħa kbira fil-Parlament u anke fuq skala tal-Kumitati.
Għalhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għamel mistqosija diretta lill-Prim Ministru Joseph Muscat, fejn qallu li hu għadu responsabilita’ quddiem il-Parlament u quddiem il-poplu Malti u Għawdxi kollu, biex iwieġeb il-mistqosija dwar għalfejn ma jridx jipproteġi lit-tarbija fil-ġuf? Tenna li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed hemm biex jitkellem għal dik it-tarbija, u se jitkellem għal dik il-persuna li għalih ma jistax jitkellem ħadd.
Inwegħdukom li ma’ kull anzjan, persuna u pensjonant li miegħu qed issir inġustizzja, se jitkellem il-Partit Nazzjonalista
Adrian Delia stqarr li l-Gvern ried jgħaddi liġi biex jirranġa l-anomaliji fil-pagi tal-Membri Parlamentari. Iżda wara ġimgħat u xhur jitkellem man-nies dwar din il-kwistjoni, il-Partit Nazzjonalista ddeċieda li jmur kontra din il-liġi qabel ma l-ewwel titjieb is-sitwazzjoni tal-pesnsjonanti. “Hawn ħafna fostna li wara snin jagħtu servizz lil pajjiżna u jaħdmu, m’għandhomx id-dinjita’ ta’ ħajja xierqa. Hemm madwar 25,000 anzjan li mhux ileħħaq mal-ħajja, li hu fuq ix-xifer tal-faqar – u mhuwiex b’kumbinazzjoni li l-faqar fl-aħħar snin żdied bi tmien t’elef.
Kien hawnhekk li rrefera għal kif din il-ġimgħa li għaddiet ltaqa’ mal-Alleanza tal-Organizazzjonijiet tal-Pensjonanti fid-Dar Ċentrali fejn baqgħet ittimbrata f’moħħu l-frażi li qallu l-President “iktar ma tixjih, iktar tiftaqar”. Qal li jista’ jkun li jiġi meqjus U-turn il-fatt li daru kontra mid-deċiżjoni li ħadu qabel dwar il-pensjoni tal-Membri Parlamentari – iżda l-aqwa li jagħmel is-sewwa, u żied li hu lest jgħolli leħnu mhux maż-żgħir, iżda mal-Gvern biex jidderiġu lill-gvern jagħmel dak li hu sewwa. “Qegħdin f’minoranza, u l-vapur mhux aħna qegħdin inmexxuh, it-tmun mhuwiex f’idejna. Iżda bis-saħħa tas-sewwa u tan-nies u nkunu magħqudin, kapaċi nagħtu direzzjoni ġdida lill-vapur. Kapaċi nkunu r-riħ li nbiddlu fejn sejrin il-qlugħ – ir-riħ li jbiddel il-ħajja tan-nies”, tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
“Inwegħdkom li kull persuna, anzjan u pensjonant li miegħu qed issir inġustizzja se jitkellem il-Partit Nazzjonalista. F’kull faxxa se ssib il-leħen sod tal-Partit Nazzjonalista jitkellem għalikom, għaliex aħna m’aħniex se nieqfu. Aħna se nitkellmu dejjem favur is-sewwa”.
Adrian Delia qal li dan mhux qed jagħmlu għall-vantaġġ politiku, iżda għax il-vokazzjoni hi u dejjem kienet il-vokazzjoni tan-nies. Qal li dan irid isir irrispettivament jekk il-persuna għandhiex l-istess prinnċipji politiċi. Stqarr li rridu ninżaw mill-arroganza tal-Partiti u niskużaw ruħna tal-iżbalji tal-passat – għaliex dawk l-aktar li jsofru u jbatu huma l-aktar siekta.
Fuq kull suġġett li l-Partit Nazzjonalista se jagħżel li jitkellem fuqu, il-Gvern se jkollu jisma’
Skont il-liġi, il-Partit Nazzjonalista f’obbligu u bi dritt għandu jirċievi kull xahar informazzjoni dwar l-elettorat – proċess li qabel kien isir mill-Kummissjoni Elettorali iżda issa qed isir mill-aġenzija Identity Malta. Adrian Delia żvela li din l-informazzjoni ilha ma tasal għall-aħħar 18-il xahar. Stqarr li dan id-dipartiment jaqa’ taħt Julia Farrugia fl-uffiċju tal-Prim Ministru, u għalhekk il-Gvern irid ikollu l-kontroll assolut ta’ kif isiru l-elezzjonijiet – u li l-Gvern ma jmissux jiddetta s-sistema elettorali ta’ pajjiżna, għaliex hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq id-demokrazija. Adrian Delia qal li fil-jiem li ġejjin se tinfetaħ kawża kontra dawn l-awtoritajiet tal-Gvern biex josservaw il-liġi. “Jekk il-Gvern jaħseb li se jibqa’ ogħla mill-liġi qed jarralu. Jekk qed jaħseb li se jkasbar il-liġi sejjer żballjat”, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hawnhekk appella biex ninsew il-politika partiġjana u għal darba nħarsu l-interessi ta’ pajjiżna u l-interess tan-nies.
“Meta jitkellmu in-nies, il-Gvern irid jisma’. U jekk ma jismax lin-nies se jitkellem il-Partit Nazzjonalista għalihom. U meta jitkellem il-Partit Nazzjonalista, il-Gvern se jkollu jisma’ – kif sema’ fuq il-palk tal-Majjistral, fuq l-art ta’ Bulebel, fuq il-pensjonijiet, fuq il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, u fuq kull kwistjoni li se nagħżlu biex nitkellmu dwarha”, stqarr Adrian Delia.
Grazzi lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u lill-MEP Roberta Metsola talli ħadmu bla qatigħ allavolja pruvaw jagħmlulhom sarima ma’ ħalqhom
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega għalfejn l-attivita’ ġiet organizzata għal darb’oħra f’San Pawl il-Baħar meta hemm ħafna lokalitajiet oħra li għadhom ma żarux. “Erġajna ġejn hawn f’San Pawl il-Baħar għaliex irridu nkunu eqreb tan-nies li għandhom bżonn l-għajnuna u għandhom bżonn leħen. Ftit tal-ħin ilu, is-Sindku l-ġdid Anne Fenech tkellmet b’leħen ta’ emozzjoni wara xhur sħaħ – mhux biex ikun il-Partit Nazzjonalista li qed imexxi – iżda biex it-tħaddim tad-demokrazjia jieħu l-proċess naturali tiegħu. Għandna l-obbligu bħala Partit Nazzjonalista li fejn titkellem in-nies inkunu hawn inwasslu leħinhom”, stqarr Adrian Delia.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja wkoll lill-Ewroparlamentari Roberta Metsola li wasslet dan il-leħen anke fl-istituzzjonijiet Ewropej, u qegħda ssib ix-xkiel ta’ min irid jagħmilla sarima ma’ ħalqha. Dan hu l-metodu tal-Gvern Laburista li ma jittollerax oppożizzjoni. “Roberta taqtax qalbek, il-Partit Nazzjonalista dejjem se jkun wara n-nies tiegħu”, stqarr Adrian Delia.
Il-Partit tan-nies
Fl-aħħar tad-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wassal il-messaġġ dwar il-Maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Nazzjonalista li se ssir nhar il-Ħadd li ġej 25 ta’ Settembru. “B’differenza mill-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista ma jiddependix mill-ħafna tal-ftit – iżda il-Partit Nazzjonalista jiddependi mill-ftit tal-ħafna għaliex hu l-partit tan-nies. Il-Partit li biex mexa ‘l quddiem ma seraqx propjeta’, ma ħatafx propjeta’ li mhux tiegħu, ma kisirx il-liġi biex stana hu. Il-Partit Nazzjonalista uża l-idejn ta’ min ħadem fih, l-għaraq ta’ min ħadem miegħu, u r-rieda u l-għajnuna ta’ kull ċittadin li jemmen li fil-pajjiż jista’ jibqa’ leħen wieħed favur is-sewwa”, temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Id-diskors sħiħ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, flimkien mal-kelliema l-MEP Roberta Metsola, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Anne Fenech, u l-Kunsilliera Graziella Galea:
//= $special ?>