Internazzjonali

Il-President Trump jikkundanna l-investigazzjoni ta’ Mueller

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, attakka l-investigazzjoni li qed imexxi l-Uffiċjal Speċjali u eks Direttur tal-FBI, Robert Mueller, rigward l-allegat indħil tar-Russja fl-elezzjoni għall-Presidenza Amerikana li ntrebħet mill-istess Trump, fl-2016.

Trump bagħat messaġġ fuq Twitter fejn qal li l-investigazzjoni ma kenitx ġusta filwaqt li insista li ma kien hemm l-ebda ‘rabta jew kollaborazzjoni’ bejn il-kampanja elettorali tiegħu u Moska. Intant, il-President Amerikan qal li l-inkjesta ‘qed tkun iddominata minn membri tal-Partit Demokratiku u sostenituri ta’ Hillary Clinton’ li ħarġet fuq in-naħa telliefa fl-elezzjoni tal-2016.

Intant,  Robert Mueller, li jibqa’ rispettat ħafna għall-ħidma tiegħu bħala Kap tal-FBI, hu magħruf li jappoġġja lill-Partit Repubblikan.

L-attakk ta’ Trump fuq Mueller seħħ wara li l-eks Viċi-Direttur tal-FBI, Andrew McCabe, ippreżenta dokumenti (memos) dwar id-diskursati li kellu mal-President Amerikan għall-iskrutinju. Dan waqt l-inkjesta dwar l-allegat indħil tar-Russja fl-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Intant, id-dokumenti jistgħu jappoġġjaw allegazzjonijiet li Donald Trump kien ipprova jfixkel il-ġustizzja. Dan wara li McCabe spiċċa mkejji mill-FBI xi jiem ilu, bi Trump – li akkuża lill-eks Viċi-Direttur ‘b’li kien qed iżomm ma’ naħa kontra l-oħra’ – jinsisti li  ‘McCabe qatt ma ħa n-noti fid-drabi meta huma kienu ltaqgħu’.

Qabel it-tkeċċija tiegħu saret uffiċjali, McCabe kien qed ikun suġġett għal investigazzjoni interna mill-FBI u kien diġà warrab mill-kariga ta’ ‘viċi’ f’Jannar biex jistenna l-evalwazzjoni tal-pożizzjoni tiegħu.