Il-Pulizija fir-Renju Unit qed iżżomm raġel li fil-lejl tas-Sibt u l-Ħadd spiċċa jsuq il-karozza tiegħu direttament għal ġo nightclub fi Gravesend, f’Kent. B’riżultat tal-azzjoni weġġgħu xi nies li kienu qed jiddevertu waqt ħarġa tipika ta’ tmiem il-ġimgħa.
L-aggressur, wara l-azzjoni, kien inżamm mill-membri tal-istaff tan-nightclub bl-għajnuna ta’ xi nies fuq il-post u sakemm waslu l-pulizija li ħaduh ‘il hinn magħhom. Mifhum li s-sewwieq tal-karozza, ‘il quddiem, se jiffaċċja akkużi dwar attentat ta’ qtil iżda ma jidhirx li l-każ seta’ kellu intenzjoni għal terroriżmu.
Ir-rapporti, fil-fatt, qalu li l-aggressur, qabel, kellu xi jgħid ma xi persuni fi Blake’s nightclub u fejn spiċċa mkeċċi mill-istabbiliment. Hu, madankollu, irritorna fuq il-post u saq il-karozza b’veloċità fid-direzzjoni tan-nightclub, bir-riżultat li l-vettura ‘spiċċat fuq id-dancefloor ta’ marquee ( tal-istess nightclub) fost il-kaos u l-paniku sussegwenti’.
Stqarrija li ntbagħtet fuq Facebook faħħret ‘il-kuraġġ tan-nies fin-nightclub li wieġbu minnufih għall-emerġenza u fejn irnexxielhom jikkontrollaw sitwazzjoni kerha’.
//= $special ?>

