Ir-Renju Unit akkuża lir-Russja b’li qed taħżen kimika magħrufa bħala nerve agent u li ntużat għall-attakk ta’ jiem ilu fuq eks-spjun Russu u bintu fl-inħawi ta’ Salisbury.
Il-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson, qal li r-Russi ilhom jaħżnu din il-kimika għal għaxar snin filwaqt li ċaħad is-suġġeriment tal-Ambaxxatur Russu għall-Unjoni Ewropea, Vladimir Chizhov, li din il-kimika setgħet kienet ġejja minn laboratorju fir-Renju Unit. Chizhov, permezz ta’ dan il-kumment, kien qed jirreferi b’mod speċifiku għal-laboratorju ta’ Porton Down, f’Wiltshire.
L-eks-spjun Russu Sergei Skripal u bintu, Yulia, għadhom qed jinżammu l-isptar b’konsegwenza tal-attakk bil-kimika wara li kienu nstabu mitlufin minn sensihom fl-4 ta’ Marzu li għadda. Huma spiċċaw f’sitwazzjoni kritika u l-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May qalet li r-Russja taħti għall-attakk partikulari f’Salisbury.
Esperti mill-Organization for the Prohibition of Chemical Weapons (OPCW) għandhom jaslu għada fir-Renju Unit biex jieħdu kampjuni mill-kimika partikulari konnessa mal-każ ta’ Skripal. Kelliema għall-Foreign Office f’Londra qalu li r-riżultati tal-provi għandhom idumu għaddejjin għal ‘minimu ta’ ġimgħatejn’.
Il-Prim Ministru May qalet lid-deputati parlamentari li l-bażi ta’ Porton Down, li tintuża għal riċerka militari, identifikat il-kimika li spikkat fl-attakk ta’ Salisbury bħala parti minn grupp ta’ nerve agents — magħruf bħala Novichok — li kienet żviluppatu l-eks Unjoni Sovjetika.
Min-naħa tiegħu, Boris Johnson qal li pajjiżu għandu l-provi ‘li kiseb f’dawn l-aħħar għaxar snin’ li r-Russja mhux talli kienet qed tistħarreġ l-użu tan-nerve agents għal għanijiet fatali, iżda anki kienet qed tipproduċi u taħżen in-Novichok’.
Fl-istess ħin, il-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin qal li r-reazzjoni tar-Russja għall-inċident ‘ma kenitx it-tweġiba ta’ pajjiż b’fiduċja assoluta fl-innoċenza tiegħu’.
//= $special ?>

