Renald Baldacchino li għandu 38 sena nżamm arrestat fuq akkużi ta’ traffikar tal-kokaina u l-eroina kif ukoll li kien fil-pussess ta’ arma tan-nar.
Hu tressaq il-Qorti b’urġenza l-Ħadd filgħodu wara li lejliet hu u 9 persuni oħra, tmien irġiel u t-tfajla tiegħu, ġew arrestati wara raid li sar f’garaxx proprjetà ta’ Baldacchino fi Triq Mejjilla f’Ħal Qormi.
Dawk arrestati, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-30 u t-62 sena, ġew arrestati wara li fil-vetturi tagħhom u fl-istess garaxx instabet droga suspettata kokaina lesta biex tiġi traffikata.
Filfatt fil-Qorti sar magħruf li dan il-garaxx inbidel f’post tat-traffikar u t-teħid tad-droga fejn persuni li jagħmlu użu mid-droga kienu jmorru biex jixtru u jabbużaw minn dawn is-sustanzi.
Fil-Qorti tressqet ukoll it-tfajla ta’ Baldacchino, Ersilia Gauci ta’ 42 sena mill-Belt Valletta li f’seduta separata kienet akkużata hi wkoll bi traffikar ta’ droga. It-talba tagħha għal ħelsien mill-arrest kienet rifjutata wkoll.
Fil-vettura tagħha nstabet 30 gramma kokaina waqt li l-Pulizija ssekwestraw ukoll reġistru, somma flus kif ukoll affarijiet oħra relatati mat-traffikar tad-droga.
Sitt persuni oħra nħelsu fuq police bail u wħud mix-xhieda għaddew ukoll informazzjoni dwar l-akkużati.
Sadattant fil-Qorti saret ukoll talba biex il-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja jkun infurmat li mill-ġdid persuna oħra spiċċat imwaħħla fil-lift tal-Qorti.
It-talba saret wara li qabel beda dan il-każ, uffiċjal tal-Qorti qatta’ 20 minuta fil-lift imblukkat. It-talba biex dan ikun rappurtat lill-Ministru saret mill-avukat ta’ Renald Baldacchino, l-avukat Joseph Brincat, li fl-aħħar jiem hu wkoll weħel f’dan il-lift għal 20 minuta.
//= $special ?>