Lokali

L-eks MP Laburist Philip Sciberras jingħata pensjoni parlamentari minkejja l-oġġezzjoni tat-Teżor

L-eks Membru Parlamentari Laburista Philip Sciberras tħallas pensjoni riservata għall-Membri Parlamentari minkejja li t-Teżor oġġezzjona għal dan.

It-Teżor m’approvax din il-pensjoni minħabba li  Sciberras ma kienx serva fil-Parlament għat-tul ta’ żmien meħtieġ.

Il-ġurnal The Sunday Times ifakkar li  fl-2013, ftit wara li tela fil-gvern il-Partit Laburista, Sciberras applika biex jibda jirċievi din l-pensjoni u ġie akkomodat minkejja l-oġġezzjonijiet.

Iż-żmien mitlub biex membru parlamentari jieħu pensjoni hu ta’ żewġ leġiżlaturi jew minimu ta’ 65 xahar.  Madanakollu, il-Gvern mar kontra l-oġġezzjoni tat-Teżor u approva li Sciberras jibda jingħata din il-pensjoni.

Il-Gvern saħansitra ordna li Sciberras jitħallas ukoll eluf ta’ ewro f’arrettrati li jkopru l-perjodu meta huwa suppost kien qed jirċievi l-pensjoni.

L-Uffiċjali tat-Teżor ma setgħux jifhmu kif Philip Sciberras stenna sal-2013 biex iressaq it-talba tiegħu għall-pensjoni meta hu kien intitolat li jagħmel din it-talba sa mill-2010 meta huwa għalaq 65 sena u rtira.

Mistoqsijiet li l-gazzetta bagħtet lill-Ministeru għall-Familja, li huwa responsabbli mill-pensjonijiet, baqgħu mhux imwieġba.

Iktar kmieni dan ix-xahar l-Oppo’izzjoni talbet lill-Gvern biex jissospendi d-diskussjoni dwar il-Liġi tal-Pensjonijiet tal-Membri Parlamentari li jkunu servew għal leġiżlatura waħda biss biex minflok tingħata priorità ż-żieda tal-pensjoni lill-anzjani.