Napoli jinsabu żewġ punti taħt Juventus wara li rebħu l-konfront tagħhom kontra Genoa u ħadu vantaġġ mid-draw ta’ Juventus is-Sibt. Rebħiet kbar għal Inter u Atalanta barra minn darhom filwaqt li Roma u Milan kisbu rebħiet importanti.
GENOVA – Inter irritornaw għar-rebħ b’rebħa kbira ta’ 5-0 fuq Sampdoria fi Stadio Marassi. Huma fetħu l-iskor fis-26 minuta meta IVAN PERISIC qabbeż fuq Viviano bir-ras wara kross ta’ Joao Cancelo. Inter irdoppjaw erba’ minuti wara wara li ngħataw penalty għal fawl fuq Rafinha. Mill-11-il metru MAURO ICARDI għeleb lil Viviano biex skorja l-100 gowl fis-Serie A.
L-iskor sar 3-0 minuta wara b’ICARDI jegħleb lil Viviano bit-takkuna, biex l-istess plejer għaqqad it-tripletta personali qabel tmiem l-ewwel taqsima meta kompla mill-viċin wara li Viviano kien salva parzjalment tentattiv ta’ Rafinha. Inter skorjaw il-ħames gowl fil-51 minuta b’ICARDI għal darba oħra jegħleb lil Viviano b’xutt li ħabat mal-art qabel ma’ qabeż lill-gowlkiper avversarju.
MILAN – Milan wieġbu għar-rebħa ta’ Inter, b’rebħa ta’ 3-2 fuq Chievo f’San Siro f’logħba missielta. Huma fetħu l-iskor wara 10 minuti permezz ta’ HAKAN CALHANOGLU wara kross mil-lemin. Chievo dawru l-iskor f’temp ta’ żewġ minuti b’MARIUSZ STEPINSKI jiskorja mill-viċin wara kross ta’ Giaccherini, biex minuta wara ROBERTO INGLESE għeleb lil Donnarumma b’xutt fis-saqaf tax-xibka.
Milan ġabu d-draw fl-54 minuta b’gowl ta’ PATRICK CUTRONE, deċiżjoni li kienet konfermata bil-VAR wara pożizzjoni dubjuża ta’ offside. Ir-Rossoneri skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-82 minuta meta minn korner, il-ballun ħabat ma’ Jaroszynski u niżel quddiem ANDRE SILVA li skorja mill-qrib.
CROTONE – Roma saħħew it-tielet post b’rebħa barra minn darhom ta’ 2-0 fuq Crotone. STEPHAN EL SHAARAWY fetaħ l-iskor fid-39 minuta meta kompla għal ġewwa mill-viċin wara kross ta’ Aleksander Kolarov. Roma għalqu l-logħba kwarta mit-tmiem b’xutt fil-baxx għar-rokna ta’ RADJA NAINGGOLAN.
VERONA – Rebħa kbira ta’ Atalanta li għelbu lil Verona 5-0 fi Stadio Bentegodi. Bryan Cristante fetaħ l-iskor wara żewġ minuti b’xutt għar-rokna wara azzjoni ta’ korner, u rduppjaw qabel tmiem l-ewwel taqsima minn penalty ta’ JOSIP ILICIC. L-istess ILICIC għamilhom 3-0 fid-49 minuta minn penalty, bil-plejer Sloven jgħaqqad it-tripletta personali fid-69 minuta. ALEJANDRO GOMEZ issiġilla r-rebħa bil-ħames gowl żewġ minuti wara.
BENEVENTO – Żewġ gowls lejn it-tmiem ċaħħdu lil Benevento minn rebħa importanti, b’telfa ta’ 2-1 kontra Cagliari. Benevento fetħu l-iskor fil-bidu tat-tieni taqsima b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa ta’ ENRICO BRIGNOLA. Cagliari ġabu d-draw fit-92 minuta b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ LEONARDO PAVOLETTI minn azzjoni ta’ korner. Iżda ftit wara, Cagliari ngħataw penalty wara li Sandro deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa, deċiżjoni li kienet konfermata bil-VAR. Mill-11-il metru NICOLO BARELLA skorja l-gowl tar-rebħa.
TURIN – Fiorentina kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva wara li għelbu lil Torino 2-1. Wara li falla penalty fl-ewwel taqsima, JORDAN VERETOUT fetaħ l-iskor mas-siegħa logħob wara li ħa vantaġġ minn spazju fid-difiża avversarja. Torino ġabu d-draw fis-86 minuta minn ANDREA BELOTTI, iżda CYRIL THEREAU skorja l-gowl tar-rebħa fid-90 minuta minn penalty.
NAPLI – Napoli għelbu lil Genoa 1-0 fi Stadio San Paolo. Il-gowl rebbieħ wasal fit-73 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ RAUL ALBIOL minn azzjoni ta’ korner.
RUMA – Lazio tilfu żewġ punti importanti bi draw kontra Bologna. Kien it-tim ta’ Donadoni li fetaħ l-iskor fil-bidu minn SIMONE VERDI, iżda LUCAS LEIVA ġab id-draw għal Lazio fis-16-il minuta.
//= $special ?>