Il-Gvern wiegħed li se jimplimenta numru ta’ proposti marbuta ma’ Paceville iżda s’issa għadu ma wettaqhomx.
L-ikbar inkwiet jibqa’ in-nuqqas ta’ aċċessibilità għal persuni b’diżabilità. Dan qed jaffetwa lil dawn in-nies b’mod speċjali hekk kif qed tonqsilhom il-possibbiltà li jkomplu mal-kumplament ta’ sħabhom.
Il-gazzetta Illum qalet li fis-snin passati kien ġie propost mill-KNPD li tingħata multa ta’ €5,000 lil kull stabbiliment li ma jkunx aċċessibli għal kulħadd.
Fost proposti oħra li għal snin twal għadhom qed jiġu mitluba hemm dik ta’ għassa ġewwa Paceville. Dan hekk kif bħalissa Paceville jaħdem biss bl-għassa ta’ San Ġiljan li fi tmiem il-ġimgħa tbati biex tlaħħaq mal-ammont kbir ta’ każi.
Proposta oħra hija li ssir latrina pubblika minħabba l-fatt li t-toroq u l-parapetti tar-residenti saru l-latrini ta’ dawk li jitilgħu biex jiddevertu.
Li l-gwardjani privati jkunu regolati kienet proposta oħra li għalkemm kienet imwiegħda li ssir, baqa’ ma sar xejn dwarha.
L-istess gazzetta tfakkar li dan u iktar kien imwiegħed mill-Ministru Carmelo Abela li kien żvela kif kienet se tinħoloq Awtorità li tassumi r-responsabbiltajiet tal-ħruġ tal-liċenzji u li wkoll għadha biss pjan fuq il-karta.
//= $special ?>