Qawwiet appoġġjati mit-Turkija ħadu kontroll assolut fiċ-ċentru tal-belt ta’ Afrin li sa ftit ilu kien amministrata mis-Sirjani Kurdi. L-indikazzjonijiet kienu li l-qawwiet tal-Armata Ħielsa tas-Sirja – grupp ta’ ribelli alleat ma’ Ankara — ma sabu l-ebda reżistenza notevoli huma u javvanzaw lejn il-qalba ta’ Afrin minn tliet fronti.
Il-ġellieda alleati ta’ Ankara fl-aħħar sigħat kienu qed jiċċelebraw il-kisbiet militari wara li laħqu t-tragward deċiżiv fost offensiva ta’ xahrejn li mexxiet it-Turkija bil-għan li teħles ir-reġjun Sirjan partikulari ( qrib il-fruntiera) mill-preżenza ta’ milizzji Kurdi mal-grupp YPG.
Il-milizzji partikulari huma kunsidrati bħala ‘terroristi’ mit-Turkija u r-rapporti dwar l-offensiva qalu li mietu talanqas 280 ċivili b’konsegwenza. Dan meta Ankara qed tiċħad dwar il-vittmi ċivili waqt l-ostilitajiet.
Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, tkellem dwar l-aħħar żviluppi fis-Sirja u esprima s-sodisfazzjon tiegħu ‘wara li t-taqsimiet tal-Armata Ħielsa tas-Sirja ħatfu r-riedni fil-qalba ta’ Afrin’.
Fl-aħħar ħinijiet, il-qawwiet favur Ankara kienu qed ineħħu l-isplussivi miċ-ċentru ta’ Afrin fost rapporti li kienu anki qed jikkonfrontaw ‘l-aħħar ftit reżistenza ta’ ġellieda Kurdi fi bnadi tal-belt partikulari’.
Fl-aħħar sigħat, ħarġu fimati tal-qawwiet trijonfali f’Afrin qegħdin jużaw bulldozer biex jeqirdu monument ta’ Kawa, li hu personalità leġġendarja għall-Kurdi. Intant, l-azzjoni kienet ikkundannata mill-YPG bħala ‘abbuż tal-kultura u l-istorja tal-poplu tal-Kurdi’.
It-Turkija bdiet l-assalt fuq Afrin fl-20 ta’ Jannar meta tqis lill-YPG bħala ‘estensjoni terroristika’ tal-grupp PKK ta’ ġellieda Kurdi li ilu aktar minn 30 sena jiġġieled għall-awtonomija tal-Kurdi fl-artijiet Torok lejn ix-xlokk.
//= $special ?>

