Valletta rebħu l-ewwel finali fl-aqwa minn tlieta tal-kampjonat Elite, meta għelbu lil Luxol bl-iskor ta’ 5-1. Il-Beltin mill-bidu kienu magħqudin u determinati li ma jagħtux ċans lill-avversarji tagħhom.
Fit-tnax-il minuta, kien il-plejer Georgjan Gia Nikvashvili li fetaħ l-iskor u poġġa lil Valletta fil-vantaġġ. Minuta wara Andy Mangion għamel l-iskor indaqs bir-riżultat jibqa’ 1-1 sa tmiem l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima, Valletta komplew fejn ħallew aktar qabel u wara biss żewġ minuti, reġa’ kien Nikvashvili li poġġa lill-Beltin fil-vantaġġ, biex il-Kolombjan Camilo Andres Gomez Vanegas għamilhom 3-1 ftit wara. Nikvashvili għaqqad it-tripletta personali u Dylan Musu ssiġilla r-riżultat finali ta’ 5-1.
Il-ġimgħa d-dieħla, Valletta u Luxol jerġgħu jkunu protagonisti fit-tieni finali tal-kampjonat Elite. Valletta jistgħu jikkonfermaw ir-rebħ tal-kampjonat Elite, iżda f’każ li Luxol joħorġu rebbieħa kollox jiġi deċiż fit-tielet u l-aħħar sfida.
Mill-Ewwel Diviżjoni, Mrieħel ESS u Tarxien JMI għamluha għall-finali tal-play- offs, wara li għelbu lil Pietà Nordiska u t-tim tal-Università ta’ Malta rispettivament.
Fl-ewwel semifinali, Mrieħel ESS għelbu lil Pietà Nordiska bl-iskor ta’ 2-1. Kienu Pietà li fetħu l-iskor, għoxrin sekonda mit-tmiem tal-ewwel taqsima, permezz ta’ Nikolay Filipov. Christian Micallef għamel l-iskor indaqs u daħħal lil Mrieħel ESS fil-logħba. L-istess Mrieħel ESS qatgħu l-passaġġ għall-finali, bil-gowl tar-rebħa skorjat minn Faisal Alnakoo u li wasal tletin sekonda mit-tisfira finali.
Fit-tieni semifinali, Tarxien JMI għamluha għall-finali wara taqtigħa interessanti ta’ 4-4 kontra t-tim tal-Università ta’ Malta. B’dan ir-riżultat, iż-żewġ timijiet marru minnufih għall-għoti tal-penalties, li minnhom Tarxien JMI ħarġu rebbieħa 3-1.
It-tim tal-Università kienet qed igawdi vantaġġ ta’ 3-0, b’doppjetta ta’ Shawn Deguara u gowl ta’ Jose Maria Aguilera Castellano. Fit-tieni taqsima Tarxien JMI qamu għall-okkażjoni, billi naqsu l-iskor b’gowl ta’ Craig Pickard u awtogowl ta’ Dylan Cacciatolo. Fit-30 minuta, Dusan Rakic reġa’ qawwa t-tamiet lill-Universitarji. Għaldaqstant Manuel Caruana u Claudio Venuto reġgħu ġabu l-iskor indaqs.
Fl-għoti tal-penalties, għal Tarxien JMI skurjaw Radovan Duric, Uros Markovic u Armando Djepali. Filwaqt li għall-Universitarji skurja Dusan Rakic iżda qablu falla Jose Maria Aguilera Castellano.
Logħob li jmiss
L-Ewwel Diviżjoni
Finali tal-play-offs
Il-Ħamis 22 ta’ Marzu
Mrieħel v Tarxien 8.00pm
Elite
It-tieni finali
Il-Ġimgħa 23 ta’ Marzu
Valletta v Luxol 8.00pm
//= $special ?>