L-MEP David Casa talab lill-Aġenzija Nazzjonali ta’ Kontra l-Kriminalità fir-Renju Unit – NCA – biex tinvestiga l-provi ta’ ħasil ta’ flus mill-Bank Pilatus. Il-Bank – li l-uffiċċju ewlieni tiegħu jinsab f’Ta’ Xbiex – għandu uffiċċju f’Mayfair, ir-Renju Unit – u għalhekk, din it-talba setgħet issir mill-MEP tal-Partit Nazzjonalista.
David Casa, li hu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, bagħat ittra lill-NCA, li fiha ta l-informazzjoni kollha b’rabta mal-klijenti tal-Bank Pilatus, li wħud minnhom huma nies mill-politika fl-Ażerbajġan. Fost l-oħrajn, fid-dokumenti li ppreżenta, David Casa rrefera wkoll għall-iskema li allegatament hi marbuta ma’ ħasil ta’ flus li fiha kienu nvoluti ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru kif ukoll l-accountant personali Brian Tonna – b’rabta mal-bejgħ tal-passaporti.
Is-sid tal-Bank Pilatus hu Seyed Ali Sadr – ta’ nazzjonalità Iranjana – li l-kameras ta’ Net Television qabduh ħiereġ mill-uffiċċju tal-bank f’Ta’ Xbiex, ftit minuti biss wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet żvelat li s-sid tal-kumpanija sigrieta fil-Panama Egrant hi l-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Fl-ittra tiegħu, David Casa qal li r-rapporti tal-FIAU jikkonfermaw kif dan il-Bank qed jikser il-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus. Fost l-oħrajn hu rrefera għal notifika li l-FinCEN (Netwerk tal-Istati Uniti dwar l-Infurzar tal-Liġijiet kontra l-Kriminalità Finanzjarja) ħarġet f’Mejju 2014, li fiha spjegat kif persuni Iranjani kienu qed jixtru l-passaport ta’ St Kitts & Nevis “biex jiffaċilitaw kriminalità finanzjarja”.
David Casa ddeskriva lil Brian Tonna bħala “l-arkitett tal-iskemi tal-ħasil ta’ flus li nħolqu għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi”. L-istess Tonna, sostna Casa, fetaħ skema simili għal Chen Cheng, li kien responsabbli mill-bejgħ tal-Enemalta għal €320 miljun.
Bħalissa, l-Awtorità Bankarja Ewropea qed tinvestiga lill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji dwar il-fatt li ħalliet lill-Bank Pilatus biex jibqa’ b’liċenzja fi stat membru tal-Unjoni Ewropea, waqt li l-Bank Ċentrali Ewropew qed janalizza wkoll jekk hemmx bżonn li jsir intervent minn naħa tiegħu.
Aqra l-ittra li l-MEP Casa bagħat lill-NCA hawn taħt.