Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi organizza serata li fiha rrikonoxxa l-ħidma ta’ diversi persuni fil-komunita’, magħrufa bħala l-għoti tal-Onorificenza Mertu Siġġiewi.
Din is-sena, fost il-persuni rikonoxxuti għal dan l-mertu kien hemm Fr Martin Micallef, li din is-sena jagħlaq 10 snin imexxi id-Dar tal-Providenza.
Il-Kunsill Lokali ta unur ukoll lill-Għaqda tan-Nar San Nikola għall-okkażjoni ta’ 50 sena anniversarju tagħha, lis-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu, lil Joseph Schembri li ilu snin jagħmel riċerka fuq is-Siġġiewi kif ukoll lil Michael Vassallo, magħruf għat-tpinġija b’ħalqu – talent li żviluppa wara li inċident sfortunat kien illimita il-moviment tiegħu.
Ingħata dan l-Mertu wkoll, Dun Dione Cutajar – saċerdot – għal aktar minn 45 sena, li huwa mis-Siġġiewi u li serva anke fil-Parroċċa tas-Siġġiewi.
Is-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit f’diskors tal-okkażjoni qalet li l-Kunsill Lokali huwa mpenjat isaħħaħ l-faċilitajiet lill-komunità u qed jippjana li jiżviluppa Night Shelter fil-binja taċ-Ċentru Ċiviku. Hi tkellmet ukoll dwar pjani għal Għar Lapsi, investiment f’aktar toroq u l-infrastruttura, fl-attivitajiet kulturali u ħidma kontinwa biex jiġi mħares l-ambjent u jsir żvilupp sostenibbli fis-Siġġiewi.
Preżenti għal din is-serata kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia bħala resident tas-Siġġiewi, kif ukoll is-Segretarju Ġenerali, Clyde Puli.
//= $special ?>