Id-difensur ta’ Juventus Giorgio Chiellini se jitlef iż-żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra l-Arġentina u l-Ingilterra wara li tard is-Sibt filgħaxija weġġa’ fid-draw ta’ 0-0 kontra SPAL.
Jista’ jagħti l-każ li Chiellini jitlef anke l-ewwel leg tal-fażi tal-aħħar 8 taċ-Champions League kontra Real Madrid.
Minflok Chiellini il-kowċ Gigi Di Biagio sejjaħ lid-difensur ta’ West Ham Utd Angelo Ogbonna.
Ta’ min jiftakar li Di Biagio sejjaħ lill-gowlkiper Gigi Buffon u dan ifisser li l-aħħar dehra ta’ Buffon mhux se tkun dik meta f’Novembru li għadda l-Italja kienet eliminata mill-Iżvezja fil-play-offs tat-Tazza tad-Dinja.
Buffon spjega għaliex għażel li jerġa’ jilgħab mal-Italja u qal li għamel dan għal żewġ raġunijiet. L-ewwel hu biex ikun ta’ servizz għat-tim u biex jgħin lit-tim jingħaqad f’mument diffiċli.
It-tieni raġuni hi għax ried ikun preżenti fl-ewwel partita tal-Italja sa mill-mewt tal-captain ta’ Fiorentina Davide Astori. Fl-4 ta’ Marzu Astori kien nstab mejjet fil-lukanda fejn kien mal-kumplament tal-iskwadra li kienet qed tħejji għal logħba kontra Udinese.
Fil-fatt, fil-partiti kontra l-Arġentina u l-Ingilterra l-plejers Taljani se jkunu qed jilbsu flokk speċjali li jfakkar il-memorja ta’ Astori.
LAZIO – Lazio ħabbru li d-difensur Luiz Felipe ġedded il-kuntratt tiegħu u issa hu marbut mat-tim tal-belt kapitali Taljana sal-2022.
//= $special ?>