Yaya Toure se jirritorna mat-tim nazzjonali tal-Ivory Coast wara nuqqas ta’ tliet snin. Hu se jkun qed jifforma parti mill-iskwadra li se tilgħab żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra t-Togo u l-Moldova.
Toure, li għandu 34 sena kien oriġinarjament irtira minn mal-Ivory Coast fl-2015 imma f’Diċembru li għadda kien ħabbar li hu dispost jerġa’ jibda jilgħab mat-tim ta’ pajjiżu.
Fi stqarrija l-Federazzjoni tal-futbol tal-Ivory Coast laqgħet b’sodisfazzjon id-deċiżjoni ta’ Toure u qalet li dan bla dubju se jkun utli għat-tim fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani li se ssir fl-2019.
Toure ġie mgħajjat mat-tim anke jekk ma tantx lagħab mal-klabb tiegħu Manchester City. Dan l-istaġun hu lagħab biss 13-il darba.
Toure beda jilbes il-faxxa ta’ captain tal-Ivory Coast fl-2014 wara li kien irtira Didier Drogba. Hu ħa sehem f’sitt edizzjonijiet tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani u fi tliet edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja.
//= $special ?>