Lokali

Pazjent f’Monte Karmeli b’għajnejh imbenġla b’daqqtejn minn infermier

Mill-Arkivji

Argument bejn pazjent u infermier żviluppa f’daqqtejn ta’ ponn li l-pazjent ingħata mill-istess infermier, tant li spiċċa kellu jittieħed għall-kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.

Dan l-inċident, li ġara fis-7 ta’ Marzu li għadda, ġie żvelat fil-gazzetta In-Nazzjon, li rrappurtat li kaġun ta’ dan is-swat, il-pazjent spiċċa b’għajnejh imbenġla.

In-Nazzjon qalet li minkejja dan l-inċident serju, il-pazjent – li hu f’qagħda vulnerabbli – m’għamilx rapport formali biex jittieħdu passi sempliċiment għaliex jipprendi u jibża’ mill-infermier.

Madanakollu, it-tmexxija tal-isptar Monte Karmeli hi konxja minn dan l-inċident serju tant li stqarret li se tinvestiga u tagħmel inkjesta dwar dak kollu li ġara. Iżda l-infermier fiċ-ċentru ta’ dan is-swat lil dan il-pazjent baqa’ jirrapporta għax-xogħol bl-aktar mod normali minħabba li ħadd ma ħa l-briga li jissospendih mill-qadi tad-doveri tiegħu.

In-Nazzjon fakkret li dan mhux l-ewwel inċident tat-tip tiegħu fl-isptar Monte Karmeli hekk kif fl-aħħar snin kien hemm okkażjonijiet simili.