Federer megħlub għall-ewwel darba fl-2018
Fi tmiem il-ġimgħa Juan Martin Del Potro u Naomi Osaka rebħu l-BNP Paribas Open. Del Potro ħareġ rebbieħ kontra n-numru wieħed fid-dinja Roger Federer li kien ġej minn serje ta’ 17-il rebħa konsekuttiva.
It-tennista mill-Arġentina rebaħ kontra Federer bi skor ta’ 6-4 6-7 (8-10) 7-6 (7-2).
Federer kien qed jimmira li jirbaħ dan it-titlu għas-sitt darba fil-karriera tiegħu imma Del Potro ċaħħdu milli jagħmel dan biex rebaħ l-ewwel titlu tiegħu tal-ATP.
Ta’ min jinnota li Del Potro sar l-ewwel tennista li din is-sena għeleb lil Federer u għamel dan f’ħin ta’ sagħtejn u 42 minuta.
Del Potro, li għandu 29 sena kien ilu dawn l-aħħar sentejn isofri minn uġigħ fil-polz u saħanistra ġie operat tliet darbiet imma beda din is-sena fuq nota pożittiva sakemm issa waslet anke r-rebħa kontra Federer.
Fil-finali tan-nisa Naomi Osaka rebħet bi skor ta’ 6-3, 6-2 kontra Daria Kasatkina biex għall-ewwel darba fil-karriera tagħha rebħet titlu tal-ATP. Hi damet siegħa u 10 minuti biex għelbet lil Kasatkina.
Osaka, li għad għandha 20 sena hi l-iżgħar champion f’Indian Wells sa minn meta Ana Ivanovic kienet rebħet it-titlu lura fl-2008. Grazzi għal dan is-suċċess issa Osaka tinsab fit-22 pożizzjoni tar-rankings mondjali.
Barra minn hekk, il-finali tal-Ħadd kienet l-ewwel finali sa mill-2001 li kienet ikkontestata minn tennisti li għandhom inqas minn 21 sena.
//= $special ?>