Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Il-kuntistabbli akkuzat bi stupru jinfexx jibki fl-awla; iwieġeb mhux ħati

Il-Qorti tordna divjet fuq l-isem tal-Pulizija

Kuntistabbli tal-Pulizija tressaq il-Qorti akkużat bi stupru fuq uffiċjali tal-Pulizija oħra, fejn fl-awla infexx jibki waqt li deher quddiem il-Maġistrat Monica Vella it-Tlieta wara nofsinhar. Il-Kuntistabbli ilu li daħal fil-Korp tal-Pulizija tliet snin u kien stazzjonat fl-għassa tal-Imsida.

Fil-bidu tas-seduta, il-Qorti ordnat divjet fuq l-isem tal-akkużat minħabba n-natura tax-xogħol tal-vittmi nvoluti f’dan il-każ. Il-Kuntistabbli għandu 27 sena u hu residenti Ħaż-Żabbar. Fost l-oħrajn, fil-Qorti ħareġ kif l-allegat stupru fuq it-tfajliet seħħ fl-għassa tal-Imsida.

Jirriżulta, mill-informazzjoni li għandu NET News, li mhux l-ewwel darba li dan il-kuntistabbli żagħżugħ wettaq dawn l-allegati atti. Filfatt, sorsi qrib NET News qalu li dawn l-abbużi ilhom isiru, b’waħda mill-vittmi issib il-kuraġġ li titkellem meta saret taf x’kienet għaddejja minnu kollega oħra. Kien malli dawn iż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija tkellmu flimkien, li ttieħdet id-deċiżjoni konġunta li jsir rapport formali.

Minn informazzjoni oħra li waslet għand NET News, jirriżulta li l-allegati abbużi saru kemm f’għassa tal-Pulizija kif ukoll ġo karozza tal-Pulizija.

Ritratt: Timo Turpeinen

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi, iżda ma talabx għall-ħelsien mill-arrest. Hu se jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli. Sadattant, il-Qorti ordnat li l-akkużat jibda jieħu xi forma ta’ kura. Il-Qorti ordnat ukoll protezzjoni fil-konfront tal-vittmi.

Id-difiza qed titmexxa mill-avukat Alfred Abela, filwaqt li l-Ispettur Joseph Busuttil mit-taqsima tal-Vice-Squad kif ukoll mill-Ispettur Mark Mercieca qed imexxu l-Prosekuzzjoni.

L-Għassa tal-Imsida