Lokali

Festa fl-Imsida biex ifakkar il-125 anniversarju mill-wasla tal-istatwa titulari fil-Parroċċa

Tmiem il-ġimgħa tad-19 ta’ Marzu kien wieħed ta’ festa għal-lokalità tal-Imsida, partikolarment għall-Parroċċa ddedikata lil San Ġużepp.

Dan hekk kif din is-sena qed ikun iċċelebrat il-125 anniversarju minn meta l-istatwa titulari ta’ San Ġużepp waslet fil-Parroċċa. Barra minhekk, l-Imsida ra l-wasla tal-Kanonku Fr Simon Sciberras bħala l-Kappillan il-ġdid.

L-attivitajiet ewlenin bdew il-Ġimgħa, 16 ta’ Marzu filgħaxija meta, wara l-Quddiesa ta’ filgħaxija, l-istatwa ttieħdet proċessjonalment sal-Knisja tal-Kunċizzjoni, li kienet l-ewwel Parroċċa fl-Imsida, umbagħad bit-trasport sal-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt. Minn hemm, l-istatwa ttieħdet proċessjonalment sal-Knisja ta’ San Duminku.

Din il-Knisja fil-Belt intagħżlet minħabba li l-Fundatur tal-Knisja Misidjana, Monsinjur Franġisk Falzon Debono, ħu l-Beatu Nazju Falzon, kien iservi f’dik il-Knisja.

Minn hemm, il-Ħadd filgħodu, l-istatwa ta’ San Ġużepp ittieħdet lura lejn l-Imsida bil-baħar, abbord lanċa li waslet fix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex umbagħad, proċessjonalment lejn il-Pjazza ta’ quddiem il-Knisja.

Mat-triq, l-istatwa twaqqfet fost l-oħrajn quddiem il-Każin tal-Partit Nazzjonalista, fejn il-President tal-Kumitat Sezzjonali Alfred Farrugia ppreżenta bukkett fjuri f’isem il-Kumitat kollu f’riġlejn l-istatwa.

Mal-wasla tal-istatwa fil-Pjazza ta’ quddiem il-Knisja, il-Kappillan il-ġdid Fr Simon Sciberras qaddes Quddiesa fil-beraħ, akkumpanjat mill-Kleru tal-Parroċċa u minn Dun Norman Zammit, li kien qed itemm il-ħidma tiegħu bħala Kappillan f’din il-lokalità.

L-attivitajiet ġew fi tmiemhom it-Tnejn filgħaxija, fis-Solennità ta’ San Ġużepp, bil-pussess tal-Kappillan il-ġdid minn idejn il-Vigarju Ġenerali Monsinjur Joe Galea Curmi.

Matul din iċ-ċerimonja, il-Kappillan il-ġdid ingħata f’idejh l-imfietaħ tal-Knisja, filwaqt li daqq simbolikament il-Qanpiena bħala messaġġ li se jkun qed jilqa’ lil kulħadd fit-Tempju ta’ Alla.