Lokali

Il-GWU b’direttivi fi Transport Malta

Nuqqas ta’ qbil huwa dwar il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur

Il-General Workers’ Union, permezz tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi, ordnat lill-imsieħba tagħha fil-Valletta Ports Vessel Traffic Services biex mil-lum jobdu d-direttiva ta’ ‘work to rule’ wara li ma ntlaħaqx qbil mal-management ta’ Transport Malta.

In-nuqqas ta’ qbil huwa dwar il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur, fejn il-ħaddiema li huma rappreżentati mill-GWU qed jirċievu ħlas anqas minn ħaddiema oħra li qed jagħmlu l-istess xogħol bħalhom. Id-direttivi daħlu fis-seħħ wara li ma kien irreġistrat l-ebda progress fi tmiem ta’ laqgħa bejn il-GWU u l-management ta’ TM.

Sadanittant il-GWU fi stqarrija qalet illi rreġistrat tilwima oħra ma’ Transport Malta dwar it-Technical Grades fi ħdan il-Merchant Shipping Directorate. Id-direttivi fir-rigward din it-tilwima jiddependu mir-riżultat tal-laqgħa ta‘ konċiljazzjoni bejn il-Union u Transport Malta.