Knisja Kultura Lokali

Il-Mixegħla li ilha ssir sa mill-1993

Se jkun hemm ukoll trasport minn Pjazza San Nikola għas-Salib tal-Għolja u lura

Il-Mixegħla tas-Salib tal-Għolja hija attività sinonima ma’ Ħamis ix-Xirka li din is-sena huwa id-29 ta’ Marzu. L-attività ssir fiż-żona tas-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi u hija organizzata mill-Każin Banda San Nikola u l-Kunsill Lokali tas-Siggiewi, bl-għajnuna tal-Awtorità għat-Turiżmu u is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet.

Il-Mixegħla tas-Salib tal-Għolja ilha li nbdiet mill-1993, meta grupp volontarju bl-isem ta’ ‘L-Akbar Ġrajja’, mmexxija mis-Siġġiwin, Nikol Baldacchino u Karmenu Vella, organizzaw l-ewwel edizzjoni tal-Mixgħela tas-Salib tal-Għolja. Hekk kif din l-attività intlaqgħet tajjeb ħafna mis-Siġġiwin, Nikol Baldacchino involva numru ta’ żgħażagħ mill-Każin Banda San Nikola. Ta’ kull sena din l-attivita’ baqgħet issir, mill-voluntiera tal-Każin li jieħdu ħsieb l-preparamenti għall-fjakkoli madwar is-salib, u bl-għajnuna loġistika tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

Ta’ kull sena l-Mixegħla tas-Salib, tilqa’ follol kbar ta’ nies mhux biss mis-Siġġiewi, iżda anke minn irħula oħrajn, hekk kif kisbet popolarità u hija meqjusa wkoll bħala attivita’ nazzjonali. F’Ħamis ix-Xirka, din l-għolja li twassal għas-Salib imponenti fis-Siġġiewi, hija xempju tal-vjaġġ iebes li għadda minnu Ġesu’ Kristu, fi triqtu lejn il-quċċata tal-Golgota.

Din is-sena bħas-snin li għaddew, l-Kazin Banda San Nikola se jorganizza marċi funebri bis-sehem tal-banda, l-pellegrinaġġ li jibda mill-pjazza, kif ukoll rappreżentazzjoni permezz ta’ monologi li jambjentaw l-istorja ta’ Ġesu’ fiż-żminijiet preżenti. Din r-rappreżentazzjoni hija mtella’ mill-grupp Carpe Diem Productions bl-isem ta’ “Ix-Xhieda- Jien Kont Hemm.”

Is-Sindku tas-Siggiewi, Alessia Psaila Zammit qalet li din hija attività li tattira follol kbar ta’ nies lejn is-Siggiewi għaliex is-Salib tal-Għolja, joffri ambjent sabiħ u adattat għas-sinifikat tal-Ġimgħa Mqaddsa. Alessia Psaila Zammit qalet li l-Kunsill Lokali huwa mpenjat li jibqa’ jagħti l-kontribut fl-organiżazzjoni ta’ din l-attività, li matul is-snin ġabet flimkien għaqdiet lokali oħra fis-Siġġiewi biex jieħdu nizjattivi fosthom b’tiżjin bil-fjakkoli fi Pjazza San Nikola u wirjiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa.

Is-Sindku, mill-ġdid appellat għall-investiment mill-awtoritajiet li huwa meħtieġ fil-Kappella tal-Lunzjata u l-madwar sabiex tiġi preservata din iż-żona li hija parti mill-wirt kulturali tas-Siġġiewi u ta’ pajjiżna.

F’Ħamis ix-Xirka, il-Grupp tal-Armar 6 ta’ Diċembru ser iżomm l-impenn li jkun parti mill-attivitajiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fis-Siġġiewi. Dan se jsir bil-ftuħ taż-żewġ wirjiet fi Pjazza San Nikola bejn il-Ħamis 22 u l-Ġimgħa 30 ta’ Marzu, kif ukoll bil-mixgħela spettakolari ta’ Pjazza San Nikola nhar Ħamis ix-Xirka.

Fil-kappella ta’ Santa Marija ‘Ta’ Ċwerra’ se tintwera Mejda tal-Appostli skond ir-rit Lhudi, filwaqt li biswit il-kappella ta’ San Ġwann il-Battista’ wieħed ser ikun jista’ jara tliet settijiet differenti ta’ vari flimkien ma’ oġġetti u statwi oħra relatati mal-passjoni ta’ Ġesu` Kristu. Dawk li jżuru Pjazza San Nikola, f’Hamis ix-Xirka, mit-8pm ‘l quddiem, ser ikunu qed isegwu wkoll atmosfera sabiħa magħmula minn madwar 500 fjakkola, flimkien ma’ numru ta’ tazzi taż-żejt.

Fil-Knisja Arċipretali tas-Siggiewi se ssir quddiesa għat-tfal fil-5pm u quddiesa fis-6.30pm, it-tnejn bil-ħasil tas-saqajn tal-appostli, imbghad adorazzjoni wara 8pm.

Fl-istess jum, il-pubbliku, jista’ jzur wirja tal-Għaqda tan-Nar San Nikola, Siggiewi. Din l-għaqda ttella wirja bl-istazzjonijiet tal-Via Sagra u oġġetti oħra, fit-telgħa tal-Għolja. L-oġġetti kollha esebiti huma xogħol il-membri tal-Għaqda.

F’Ħamis ix-Xirka, se jkun hemm ukoll trasport minn Pjazza San Nikola għas-Salib tal-Għolja, kif ukoll mis-Salib tal-Għolja għall-Pjazza.