Lokali

Il-waqgħa qawwija ta’ 60% fil-livell avanzat tal-Franċiż jeħtieġ tkun indirizzata

Nagħtu importanza ewlenija lill-ilsien Malti u importanza wkoll lill-mira Ewropea ta' plurilingwiżmu

Il-Partit Nazzjonalista llum jingħaqad mal-għalliema u mal-istudenti kollha tal-Franċiż biex jiċċelebra l-Jum Dinji tal-Frankofonija. Kull 20 ta’ Marzu madwar id-dinja, dan il-jum ifakkar fl-importanza tal-Franċiż bħala t-tieni l-aktar lingwa mgħallma fid-dinja.

Illum, ħafna pajjiżi u organizzazzjonijiet anke Maltin, fosthom l-Alliance Française li hi preżenti wkoll f’Malta, l-Għaqda tal-Għalliema tal-Franċiż f’Malta u l-Kamra tal-Kummerċ Maltija–Franċiża, qed iseddqu l-impenn tagħhom li l-Franċiż ikun mgħallem, mitkellem u gawdut minn aktar Maltin. Aħna l-Maltin għandna rabtiet importanti u tajbin ħafna ma’ Franza bl-impenn tal-partiti politiċi Maltin kollha.

  • Il-Franċiż jgħinna nikkummerċjaw prodotti u servizzi mal-ħames l-akbar ekonomija fid-dinja.
  • Il-Franċiż jgħinna nikkomunikaw meta nżuru l-aktar pajjiż li jiġbed turisti fid-dinja.
  • Jgħinna wkoll nibnu rabtiet siewja mal-komunità Franċiża mdaqqsa li għandna f’Malta.
  • Il-Franċiż iseddaq il-kummerċ tagħna mad-29 pajjiż fejn hu l-ilsien uffiċjali jew mitkellem b’mod mifrux, fosthom il-Belġju, l-Iżvizzera, il-Lussemburgu u ħafna pajjiżi tax-xtajta Afrikana tal-Mediterran.
  • Il-Franċiż jgħin lill-istudenti u lill-ħaddiema tagħna fil-mobilità billi jkunu jistgħu jgawdu l-ħafna skambji li toffri
  • Franza fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
  • Il-Franċiż hu waħda mit-tliet lingwi tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea u għalhekk jinteressa lilna l-Maltin mill-qrib fl-impenn Ewropew tagħna.
  • Il-Franċiż hu wkoll il-lingwa tax-xogħol fi Qrati u organizzazzjonijiet internazzjonali li jinteressaw lilna l-Maltin ukoll, fosthom il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

    Il-livell avanzat tal-Franċiż: waqgħa ta’ 60% bejn l-2013 u l-2017
     
    Hu u jifraħ mal-ħafna organizzazzjonijiet li llum qed jiċċelebraw il-Frankofonija, il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir li t-tagħlim tal-Franċiż fil-livell avanzat ħa daqqa qawwija ‘l isfel fl-aħħar ftit snin.

    Iċ-ċifri l-aktar riċenti ppubblikati mill-unit tal-Matsec juru li l-istudenti li joqogħdu għal-livell avanzat tal-Franċiż naqsu b’60% bejn l-2013 u l-2017.

  • Bejn l-2004 meta dħalna fl-Unjoni Ewropea u l-2013, l-istudenti li għamlu l-eżami avanzat tal-Franċiż kienu żdiedu b’25%.
  • Imma minn 128 fl-2013, dawn issa waqgħu bil-qawwi għal 52 biss is-sena l-oħra; waqgħa ta’ aktar min-nofs.
  • L-Unjoni Ewropea, fil-politika tagħha tal-plurilingwiżmu, għandha l-mira li l-Ewropej ikunu jifhmu u jitħaddtu sewwa bil-lingwa materna tagħhom u b’żewġ lingwi oħrajn Ewropej.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern u lill-awtoritajiet tal-edukazzjoni biex jindirizzaw il-waqgħa tant qawwija fi ftit snin fl-istudenti li joqogħdu għal-livell avanzat tal-Franċiż.

Dan biex aktar Maltin igawdu r-rikkezza u l-utilità ta’ din il-lingwa ewlenija fl-Ewropa u fid-dinja.