Numru ta’ diplomati Russi u l-familji tagħhom qed iħejju jitilqu mir-Renju Unit wara li l-awtoritajiet Britanniċi ordnaw it-tkeċċija tagħhom b’konnessjoni mal-ivvelenar ta’ eks-spjun Russu u bintu fl-inħawi ta’ Salisbury. It-tensjoni ma’ Moska ħadet spinta ‘il quddiem meta r-Renju Unit akkuża lir-Russja bħala l-awtur tal-attakk bil-kimika, fl-4 ta’ Marzu, fuq l-eks-spjun Russu, Sergei Skripal, u bintu Yulia li spiċċaw l-isptar f’kundizzjoni kritika.
Intant, ir-Renju Unit keċċiet 23 diplomat Russu wara li l-Prim Ministru Theresa May qalet li r-Russja ‘kienet taħti’ għall-attentat fuq Skripal u bintu. Il-Gvern Britanniku anki kellu jiddeċiedi jekk jimponix aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja, meta Theresa May illum mexxiet laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali f’Londra.
Sadanittant, ir-Russja qed tiċħad kull sehem fil-każ ‘Skripal’ u rritaljat għall-pass ta’ Londra bit-tkeċċija ta’ 23 diplomat Britanniku minn Moska. Dawn id-diplomati għandhom sa nhar is-Sibt biex jitilqu mir-Russja.
Il-Kremlin ta’ Moska, fl-istess ħin, qed jagħlaq il-konsulat Britanniku f’San Pietruburgu, flimkien mal-British Council fir-Russja li sa ftit ilu kien qed jippromwovi r-rabtiet kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Fl-aħħar jiem sar magħruf li Sergei u Yulia Skripal kienu spiċċaw esposti għal tip ta’ nerve agent bl-isem ‘Novichok’ li kien żviluppat fir-Russja. Dan qalu l-Gvern tar-Renju Unit, u llum – aktar minn ġimgħatejn mindu seħħ l-attakk fuq il-koppja f’Salisbury – l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Metropolitana, Neil Basu, sostna li l-investigazzjoni qed tikkonċentra ‘fuq il-movimenti tal-eks-spjun Russu u bintu’.
L-istess Basu qed imexxi s-sezzjoni tal-Pulizija Britannika għal kontra t-terroriżmu u l-uffiċjali tiegħu qed jinvestigaw xi 4,000 siegħa ta’ filmati tas-CCTV (meħuda minn Salisbury) huma u jieħdu ‘mijiet ta’ stqarrijiet’.L-investigazzjoni partikulari tista’ ddum għaddejja għal ġimgħat u anki xhur, meta l-kriżi diplomatika bejn ir-Renju Unit u r-Russja għadha fl-ogħla livell għal ħafna snin.
//= $special ?>

