Lokali

Jerġa’ jitneħħa l-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia

Għal darb’oħra matul il-lejl li għadda tneħħew il-fjuri, xemgħat, ritratti u noti minn quddiem il-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-mafkar, li jinsab quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta, kien ilu hemm sa mill-qtil tal-ġurnalista fis-16 ta’ Ottubru li għadda u kien diġa’ tnaddaf fil-jiem li għaddew, matul il-lejl.

Madanakollu għal darb’oħra reġgħu bdew jitpoġġew il-fjuri, xemgħat u ritratti ftit wara li sar magħruf li dawn reġgħu tneħħew.

Matul l-aħħar ġimgħat kien hemm kontroversja dwan dan il-mafkar, b’kunsillier Laburista jagħmel mozzjoni u petizzjoni biex jitneħħa l-mafkar, waqt li t-tneħħija mill-ġdid tal-mafkar ġrat ukoll ftit wara li l-Kap Eżekuttiv tal-V18 Jason Micallef intalab  jirriżenja wara li rredikola l-aħħar kelmiet tal-ġurnalista maqtula.