Ambjent Internazzjonali

Jitraqqad l-aħħar rinoċeronte abjad fid-dinja

Riċerkaturi rnexxielhom isalvaw materjal ġenetiku bit-tama li jirriproduċu aktar minn din l-ispeċi mal-aħħar żewġ rinoċeronti nisa

L-aħħar Northen White Rhino maskili fid-dinja miet wara numru ta’ ġimgħat li saħħtu bdiet sejra lura.

Il-konservatorju li kien qiegħed isegwi s-saħħa tar-rinoċeronte fi stqarrija qalu li miet minħabba l-eta tiegħu. Ir-rinoċeronte bl-isem ta’ Sudan kellu 45 sena, u kellu jitraqqad ilbieraħ fil-Konservatorju Ol Pejeta fit-Tramuntana tal-kapitali tal-Kenja, Nairobi.

Sudan kellu jitraqqad minħabba li l-kundizzjoni tiegħu gravat għall-aħħar wara li ma kienx kapaċi jżomm fuq saqajh – u anke kien qiegħed ibati.

Madanakollu, riċerkaturi rnexxielhom iżommu materjal ġenetiku, bit-tama li jkunu jistgħu jirriproduċu din l-ispeċi ta’ rinoċeronte mal-aħħar żewġ rinoċeronti nisa li fadal.

Fl-aħħar snin tiegħu, Sudan kien tilef ħafna mis-saħħa li kellu – tant li ma kienx f’pożizzjoni fiżika tajba biex ikun jista’ jirriproduċi b’mod naturali minħabba nuqqas ta’ saħħa f’saqajh. Bint ir-rinoċeronte bl-isem ta’ Najin li għandha 28 sena għadha fiċ-ċans li tirriproduċi, iżda għandha saqajha ta’ wara bi problemi fiżiċi u wkoll għandha problemi biex tirriproduċi b’mod naturali. Ukoll għad fadal ħajja in-neputija tiegħu, bl-isem ta’ Fatu u li għadha żgħira fl-eta.

Sudan kien sar popolari meta d-dating app Tinder kienu tellgħu profil tiegħu bħala ‘l-aktar ġuvni eliġibbli fid-dinja’, bit-tir li jiġbru fondi biex isalvaw din l-ispeċi ta’ rinoċeronte.