Lokali

Maria Efimova tinsab f'”periklu reali”

Appell biex il-Gvern Grieg u l-Pulizija jagħtu protezzjoni lil Maria Efimova

Maria Efimova, il-whistleblower tal-kumpanija Egrant marret minn jedda f’għassa tal-Pulizija f’Ateni, fejn tat ruħha b’idejha wara li kien inħarġilha mandat ta’ arrest minn Malta meta ma dehritx fil-Qorti f’kawża kontra l-Bank Pilatus.

Efimova għandha mandat ta’ arrest ieħor minn Ċipru.

Fl-aħħar ħin l-MEP Soċjalista Ana Gomes appella lill-Prim Ministru Tsipras sabiex jagħti protessjoni lil Efimova. “Il-Pulizija Griega għandha tagħti protezzjoni lill-whistleblower Russa u l-familja tagħha”, kitbet l-MEP Soċjalista fuq Twitter. Insistiet illi Maria Efimova tinsab f’periklu reali.

Il-whistleblower Russa kienet taħdem Pilatus Bank meta kienet qalet lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li rat dokumenti li jikkonfermaw li l-kumpanija Egrant hija ta’ Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Il-ġurnalista li f’Ottubru nqatlet b’karozza bomba kienet allegat ukoll li fil-kumpanija Egrant daħlu mal-miljun dollaru mill-Ażerbajġan.

F’intervista ma’ ġurnal Ingliż Efimova kienet iddikjarat li jekk tiġi lura Malta, ma ddumx wisq ħajja.

B’hekk hi marret Kreta fejn għexet bil-moħbi għal dawn l-aħħar xhur flimkien ma’ żewġha u ż-żewġ uliedha.

Il-Qorti f’Ateni issa se tkun mitluba tiddeċiedi dwar it-talba ta’ Malta biex Efimova tinġieb lura Malta biex tidher fil-Qorti.

Sadanittant, membri minn gruppi politici differenti, fi stqarrija, talbu lill-awtoritajiet Griegi biex jiproteġu lil Maria Efimova, u jassiguraw li jkollha s-sigurtà neċessarja – hi u l-familja tagħha – u biex ma tintbgħatx lura Malta.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew – li fost l-oħrajn jinkludu lill-MEP Soċjalista Ana Gomes u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew l-MEP David Casa – qalu li Maria Efimova hi xhud ewlieni fl-investigazzjonijiet dwar korruzzjoni u ħasil ta’ flus f’Malta, li jinvolvu lill-Bank Pilatus u l-membri tal-Gvern li nkixfu mill-Panama Papers u mill-FIAU.