Internazzjonali

Investigat attakk ieħor wara sensiela ta’ splużjonijiet f’Texas

 

L-awtoritajiet fl-Istati Uniti qed jinvestigaw jekk splużjoni  ta’ pakkett-bomba ġo depot tal-FedEx fl-Istat ta’ Texas kellhiex x’taqsam ma’ sensiela ta’ splużjonijiet simili li qed iwettaq aggressur jew aggressuri li għadhom qegħdin jiġru ħielsa.Dan meta l-pulizija qed tirreferi għall-attakki bħala ‘il-ħidma potenzjali ta’ serial bomber.’

L-inċident seħħ fil-belt ta’ Schertz, lejn in-nofsinar ta’ Austin, fejn fl-aħħar ġimgħat kien hemm talanqas erba’ splużjonijiet ta’ bombi. L-awtoritajiet intant kienu qed ifittxu ‘konnessjoni konkreta’ bejn l-isplużjoni fid-depot u l-isplużjonijiet tal-aħħar ġimgħat li ħallew talanqas tnejn mejtin.

Wara l-iżplużjoni, l-istaff tal-Fedex inżammu għal żmien fid-depot inkwistjoni fost rapporti li talanqas persuna spiċċat midruba ħafif.

L-aġenti tal-FBI qed jieħdu sehem fl-investigazzjoni u jidher li l-pakkett-bomba kien mimli bil-metall ‘biex (mal-isplużjoni) jinħoloq l-effett tax-xrapnel’.

Fil-jiem preċedenti, tlieta mill-erba’ tipi ta’ tagħmir splussiv kienu moħbija f’pakketti u tħallew quddiem id-djar tan-nies f’Austin.

L-ewwel splużjoni, fit-2 ta’ Marzu, qatlet raġel ta’ 29 sena fid-dar tiegħu, bi splużjoni oħra, wara, tiswa l-ħajja ta’ ġuvni ta’ 17-il sena filwaqt li ħalliet lil ommu kritikament midruba.

L-investigaturi, għall-bidu, kienu qed jevalwaw il-possibbiltà li l-attakki kellhom xi skop razzista peress li ż-żewġ mejtin kienu suwed. Iżda wara li splużjoni simili, imbagħad, feriet lil żewġ irġiel bojod, l-awtoritajiet iddeċidew li dawn l-attakki kienu qed isiru b’mod ‘indiskriminattiv għall-aħħar’.

‘Il fuq minn 350 aġent speċjali tal-FBI qegħdin jgħinu fl-investigazzjoni, meta l-livell ta’ reazzjoni għat-theddida mgħandha l-ebda preċedent.

L-FBI anki appellat biex il-bomber jew bombers ikkuntattjawhom, b’dan il-pass qed jitqies bħala wieħed rari ħafna mill-bureau.